Wednesday, April 24, 2024

Ir-rebħa elettorali ta’ Orban fl-Ungerija u l-gwerra fl-Ukrajna

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Ġewwa l-Ungerija, il-Prim Ministru kontroversjali Victor Orban għadu kemm rebaħ bil-kbir ir-raba’ term tiegħu sabiex ikompli jservi ta’ Prim Ministru ta’ pajjiżu. Din kienet it-tielet rebħa konsekuttiva sa mill-2010 li fiha l-Fidesz, il-partit ta’ Orban, rebaħ madwar 135 mill-199 siġġu li kienu disponibbli. Din prattikament tagħtih maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-parlament Ungeriż. Minkejja l-kontrovesji ma jaqtgħu xejn matul l-aħħar għaxar snin, l-aktar minħabba d-diversi battikekki li kellu mal-Unjoni Ewropea, it-turnout għal din l-elezzjoni kienet kważi waħda record għaliex laħqet is-70%.

It-tmexxija ta’ Orban matul is-snin

Kif diġà għedna fl-introduzzjoni, it-tmexxija ta’ Orban minn dejjem kienet ikkaratterizzata minn ħafna kontroversji li mhux l-ewwel darba li wassluh għal xi konfront dirett mal-Unjoni Ewropea. Dan minħabba li Orban, matul is-snin tiegħu fit-tmexxija tal-Ungerija, reġa’ kiteb mill-ġdid il-kostituzzjoni ta’ pajjiżu b’tali mod li seta’ jimla l-ġudikatura b’nies leali lejh, appunta ħafna letturi ġewwa l-universitajiet minn fost in-nies ta’ madwaru, bidel is-sistema elettorali kif jaqbel lilu, ħa l-media kollha ta’ pajjiżu f’idejh u aġevola nies qrib tiegħu b’sistema ta’ nepotiżmu sfaċċata.

Mhux ta’ b’xejn li matul din il-kampanja elettorali, l-oppożizzjoni mmexxija minn Peter Marki-Zay ppruvat mingħajr suċċess, li tirkeb fuq il-karru ta’ dan il-ġlied rigward il-governanza u s-saltna tad-dritt mal-Unjoni Ewropea, tant li f’ħafna mir-rallies li kienu organizzati mill-istess oppożizzjoni, kien ta’ spiss jinstema’ l-islogan ta’ “jew Orban jew l-Ewropa”.

Orban kellu ħafna xi jgħid ma’ Brussel anke fuq il-mod ta’ kif pajjiżu kien jittratta lill-immigranti. Orban ilu s-snin jimbotta l-argument li l-Ewropa għaddejja minn invażjoni siekta minn nies ta’ reliġjonijiet u razez oħrajn. Orban kien ipprova jsaħħaħ dan l-argument lura fl-2015 meta Franza kienet għaddejja minn sensiela ta’ attakki terroristi minn militanti Iżlamiċi. Huwa kien uza dawn l-attakki sabiex bejn l-2015 u l-2016 huwa rrifjuta li jagħti l-ażil lil eluf ta’ refuġjati l-aktar mis-Sirja. Ironikament, wara snin twal jikkalpesta l-liberta’ tal-espressjoni, Orban, fil-kampanja tiegħu ta’ kontra d-dħul ta’ refuġjati Iżlamiċi ġewwa pajjiżu, kampanja li laħqet il-qofol tagħha permezz ta’ referendum li kien sar fl-2016, kien ikkonċentra fuq l-attakk li kien sar minn dawn it-terroristi fuq il-ġurnal satiriku Franċiż, ic-Charlie Hebdo. Dan il-ġurnal li kien spiċċa fil-mira tal-Iżlamiċi wara li kien ippubblika karikatura tal-profeta Mohammed u li daħal fl-istorja bħala l-aktar reazzjoni estrema kontra l-libertà tal-espressjoni.

Matul dawn is-snin kolla fil-poter, Orban wera ħila liema bħala fuq il-mod ta’ kif jifforma l-istrateġiji politiċi tiegħu. Fil-fatt, il-każ tal-kampanji tiegħu kontra l-immigrazzjoni urew kemm dan il-politiku, li llum jgħodd 58 sena, jaf iħoss il-polz tal-poplu Ungeriż. Dan minħabba li l-istorja ta’ dan il-pajjiz hija kkaratterizzata minn diversi invażjonijiet minn popli oħrajn, fosthom it-Torok u l-Awstrijaċi. Allura, Orban kien jaf li permezz ta’ din il-kampanja huwa kien sejjer iġib lill-poplu warajh. Mhux ta b’xejn li ħafna osservaturi jaraw lil Orban bħala t-tieni Putin f’dik li hija strateġija politika.

Konxju tal-fraternita li tezisti bejn il-poplu Ungeriz u dak Ukren, din id-darba, kif rajna fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra, Orban biddel l-attitudni fil-konfront tar-refuġjati Ukreni għaliex lil dawn qiegħed jilqagħhom ġewwa pajjiżu. Naturalment, kif rajna wkoll fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra, din id-darba, fatturi oħra li hemm forsi ġiegħlu lil Orban jaħsibha b’mod differenti fuq ir-refuġjati Ukreni. Fost oħrajn, wieħed jista’ jsemmi l-kulur tal-ġilda u r-reliġjon li żgur kellhom ċertu importanza għal politiku li jħaddan ideoloġija tal-lemin estrem bħal Orban.

Orban u Putin

Minkejja li qiegħed jilqa’ r-refuġjati Ukreni u minkejja ukoll tal-fatt li l-Ungerija ffirmat l-ftehim li jirregola s-sanzjonijiet imposti dan l-aħħar fuq ir-Russja, Orban mhuwiex qiegħed jiġbed l-istess ħabel bħall-pajjiżi tal-punent rigward il-gwerra tal-Ukrajna.

L-ewwel u qabel kollox, Orban mhuwiex qiegħed iħalli armamenti mogħtija mill-pajjiżi tal-punent jidħlu gewwa l-Ukrajna mill-fruntiera li pajjizu ghandu mall-istess Ukrajna. Barra minn hekk, Orban huwa l-uniku mexxej ta’ pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea li kkritika b’mod apert lill-President Ukren Zelensky, wara li akkuzah li kien għamel patt mal-oppożizzjoni Ungeriża sabiex jintbagħtu truppi Ungeriżi jiġġieldu kontra r-Russi ġewwa l-Ukrajna. Din il-kritika qiegħda ssir fl-isfond ta’ kampanja strutturata mill-media Ungeriża li qiegħda tirrapporta din il-gwerra b’tonalità sfaċċata favur ir-Russja ta’ Vladimir Putin.

Din il-kampanja favur ir-Russja tidher minn siegha boghod meta wieħed iżur l-ibliet Ungeriżi fejn b’differenza għall-kważi l-ibliet kolla tad-dinja, ma tidhirx bandiera wahda tal-Ukrajna li bħalissa qiegħda tkun esposta kullimkien bħala sinjal ta’ solidarjetà mal-poplu Ukren.

Min isegwi l-politika barranija xejn ma għandu jkun sorpriż b’din is-simpatija li għandu Orban għal Putin. Iż-żewġ mexxejja għandhom numru kbir ta’ karatteristiċi simili, karatteristiċi li fost oħrajn jinkludu stmerrija estrema kontra l-Unjoni Ewropea, kontra kull tip ta’ oppożizzjoni politika, kontra kull tip ta’ kritika mill-media kif ukoll kontra l-komunitajiet LGBTIQ. Mhux ta’ b’xejn li matul din il-kampanja elettorali, wieħed seta’ jara ħafna billboards bl-islogan “Organ huwa l-Putin Ungeriż”.

Minkejja dan kollu li semmejna, bħalissa huwa kważi ċert li l-pajjiżi tan-NATO u tal-Unjoni Ewropea sejrin jagħlqu għajn waħda għall-mod ta’ kif Orban sejjer ikun qiegħed imexxi. Dan minħabba li bħalissa l-aktar ħaġa importanti hija li tinżamm l-għaqda kontra Vladimir Putin. Però, żgur li Orban sejjer jibqa’ jkun l-akbar xewka f’dahar l-Unjoni Ewropea għas-snin li ġejjin.

Sport