L-iskuntentizza f’pajjiżi Ewropej…..jitfgħu t-tort fuq il-flejjes kbar mogħtija mill-UE biex l-Ukrajna ttawwal il-gwerra

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kważi ħames snin ta’ kunflitt fl-Ukrajna. Kunflitt li fih eluf ta’  persuni tilfu ħajjithom. Kunflitt li fih rajna lill-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba tindaħal b’mod dirett ma’ naħa f’dan il-kunflitt kontra naħa oħra. Deċiżjoni li wasslet biex l-Unoni Ewropea u l-pajjiżi membri tagħha kellhom joħorġu flejjes kbar. Są Ottubru ta’ din is-sena l-Unjoni Ewropea se tkun nefqet jew immobilizzat madwar €224.5 biljun b’appoġġ għall-Ukrajna mill-bidu tal-invażjoni Russa fi Frar tas-sena 2022.  Din il-gwerra kellha effetti sostanziali fuq l-Ewropa u żoni oħra madwar id-dinja b’mod partikolari fejn tidħol materja prima.

Din l-għajnuna qiegħda tingħata fi żmien fejn hemm xejn inqas minn għaxar pajjiżi Ewropej li qegħdin  taħt il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Dawn huma l-Awstrija, l-Belġju, l-Bulgarija, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, l-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja. Dawn huma pajjiżi li fl-aħħar xhur kienu qegħdin jitkellmu fuq miżuri ta’ awsterità u kif se jnaqqsu in-nefqa tagħhom. Kien ukoll żmien fejn iċ-ċittadini tagħhom bdew jaraw u jħossu li l-kwalità tal-ħajja sejra lura.

L-għajnuna finanzjarja lill-Ukrajna….fost

il-kritika li qed issir

M’hemmx dubju li l-għajnuna finanzjarja u militari tal-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna hi waħda mill-kwistjonijiet marbuta mad-dibattitu dwar id-defiċit, id-dejn pubbliku u l-għoli tal-ħajja fl-Ewropa. Madankollu, mhux bilfors hija r-raġuni ewlenija għall-protesti li qed isiru, imma żgur li f’moħħ ħafna nies, ma jaraw ebda sens li huma jagħmlu s-sagrifiċċji biex imbagħad flejjes tal-Unjoni Ewropea imorru biex jgħinu lill-Ukrajna ittawwal il-gwerra u dan b’konsegwenzi negattivi fuq l-enerġija, il-fjuwil u materja oħra prima.

Fost il-kritika li qiegħda sir hi dik marbuta mad-dejn u deficit pubbliku. Qiegħda ssir kritika lill-gvernijiet Ewropej talli jallokaw flus għall-Ukrajna meta l-pajjiż għandu fbżonn jinvesti fis-servizzi pubbliċi. Il-gwerra fl-Ukrajna u l-konsegwenzi tagħha fuq is-swieq tal-enerġija kkontribwew għall-pressjonijiet ekonomiċi. F’għadd ta’ pajjiżi hemm dibattitu sħiħ dwar kemm għandu jintefaq fuq id-difiża u kemm fuq il-pagi, il-pensjonijiet, is-saħħa u l-għajnuna lill-familji. Wieħed irid jirrimarka li l-għajnuna lill-Ukrajna mhix l-istess ħaġa bħad-defiċit tal-gvern. Dan għax parti mill-għajnuna tingħata f’self, garanziji jew fondi maħsuba għal skopijiet speċifiċi. Għalhekk, l-ammont kollu tal-għajnuna ma jistax jitqies awtomatikament bħala spiża diretta li żżid id-defiċit ta’ kull pajjiż. Imma hu fatt li ħafna ċittadini, jirraġunaw u jirrimarkaw kif għall-Ukrajna hemm flus għall-gwerra u għalina qegħdin jissikkaw.

Għalhekk ma’ kinux sorpriża l-protesti li għaddejjin fl-Ewropa. Il-protesti fi Franza, il-Belġju, l-Italja u l-Portugall huma marbuta prinċipalment mal-għoli tal-ħajja, il-pagi, l-akkomodazzjoni u s-servizzi pubbliċi. Fl-Italja, kien hemm protesti fejn esprimew ukoll rabja dwar il-finanzjament tal-gwerra fl-Ukrajna minflok investiment fl-edukazzjoni.

L-argument li qiegħed isir hu ċar ħafna. Kif tista’ l-Unjoni Ewropea tgħin lill-Ukrajna tiddefendi ruħha mingħajr ma tpoġġi piż eċċessiv fuq il-kontribwenti Ewropej u mingħajr ma ttawwal il-gwerra? Îl-kritika li qiegħda ssir u li dejjem qiegħda ssir aktar ħarxa hi dik li l-flus pubbliċi qed jintużaw għall-għajnuna militari u l-appoġġ finanzjarju  Il-kritiċi jistaqsu jekk dawn il-fondi setgħux jintużaw aktar għall-għoli tal-ħajja, is-saħħa, l-edukazzjoni, id-djar u s-servizzi pubbliċi fl-Ewropa biex minnhom igawdu iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi, liema ċittadini llum qegħin jaraw il-kwalità tal-ħajja sejra lura.

Ir-riskju li l-gwerra ddum aktar

Kritika qawwija hi dik marbuta lejn il-fatt li l-għajnuna qiegħda tintuża biex ittawwal il-gwerra. Ħafna jemmnu li din hi gwerra li l-Ukrajna qatt ma tista’ tirbaħ u li finalment se tispiċċa tikkonċenti artijiet fil-lvant. Hemm kritika li l-kunsinni kontinwi tal-armi jistgħu jtawlu l-kunflitt u jnaqqsu l-inċentiv għal kompromess diplomatiku. Min-naħa l-oħra, dawk li jappoġġjaw l-għajnuna jgħidu li jekk l-Ukrajna ma tkunx tista’ tiddefendi ruħha, tista’ tiġi mġiegħla taċċetta ftehim fuq kundizzjonijiet imposti mir-Russja.

Imma l-flus fejn qegħdin imorru?

Din hi kritika li qiegħda ssir u li issa qiegħda ssir b’ċertu insistenza.  Il-kritika li qiegħda ssir tirreferi għall-korruzzjoni fl-Ukrajna. Il-kritika tgħid li hu raġonevoli li wieħed jitlob rendikont ċar dwar fejn qed imorru l-flus, kif qed jinxtraw l-armi, u x’kontrolli qed isiru biex jiġi evitat il-ħela jew il-korruzzjoni. Hemm insistenza li l-għajnuna għandha tkun soġġetta għal verifiki u rapporti pubbliċi.

Riskju għall-baġit Ewropew

U quddiem dawn il-flejjes li qegħdin jinħarġu u quddiem il-pressjonijiet ġeo politiċi, tqum il-kwistjoni dwar il-baġit Ewropew u x’effetti din l-għajnuna lill-Ukrajna qiegħed ikollha fuq dan l-istess baġit.  Il-pakkett ta’ €90 biljun għas-snin 2026–2027 huwa self iffinanzjat permezz ta’ dejn komuni tal-Unjoni Ewropea. Dan joħloq obbligi finanzjarji u riskji għall-baġit Ewropew, u għalhekk għall-pajjiżi membri. Il-kritiċi jistaqsu x’jiġri jekk l-Ukrajna ma tkunx tista’ tħallas lura. Din hi mistoqsija li sa issa ftit li xejn rajna tweġibiet għaliha.  U quddiem dan, il-mistoqsijiet huma ċari ħafna. Kemm hi l-ispiża diretta u indiretta għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-finanzjament ta’ din il-gwerra. Din hi domanda li sa issa l-gvernijiet qegħdin iżommu lura milli jitkellmu dwarha.

Minkejja dan, ħafna ċittadini llum qegħdin jistaqsuha. Rajna l-protesti u l-messaġġi kontra l-gwerra u l-finanzjament tagħhom. Iċ-ċittadini Ewropej qegħdin jistaqsu dwar kif il-fondi Ewropej għall-Ukrajna qegħdin jaffettwaw b’mod negattiv l-flus disponibbli għal prijoritajiet oħra. Il-kritika iddaħħal is-self lill-Ukrajna, bid-domanda li tqum hi min se jerfa’ r-riskju jekk is-self ma jitħallasx lura? M’għandux ikun hemm rapport pubbliku regolari dwar l-ispiża, ir-riżultati u l-kontrolli?
Il-kritika hi ċara ħafna u hi dik li l-għajnuna għandha jkollha limiti finanzjarji ċari, kontroll indipendenti, trasparenza sħiħa u strateġija diplomatika kredibbli. Mill-banda l-oħra dawk li  jappoġġjaw l-għajnuna jsostnu li jekk l-Ukrajna titlef il-kapaċità li tiddefendi ruħha, il-konsegwenzi għas-sigurtà Ewropea jistgħu jiswew aktar fit-tul.

Il-protesti f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej…similaritajiet

…imma kawki diversi

Proprju fl-aħħar jiem rajna għadd ta’ pajjiżi Ewropej jinħakmu minn mewġa ta’ protesti, Dawn kienu ukoll vjolenti. Id-dimostrazzjonijiet mill-Albanija sa Spanja fil-biċċa l-kbira mhumiex marbuta direttament ma’ xulxin, iżda hemm xi frustrazzjonijiet komuni li qed jgħaqqduhom.

Iż-żgħażagħ jinsabu fuq quddiem nett: irrabjati dwar il-kundizzjonijiet fl-edukazzjoni, l-attakki fuq Gaża u s-sensazzjoni li qed jiġu ttrattati b’mod inġust.

Jekk nieħdu l-protesti fi Spanja u fil-Portugall naraw li  l-kriżi tad-djar hija l-motivazzjoni ewlenija. Fl-Albanija, il-protesti huma kontra gvern meqjus bħala korrott. Anki hawn -istudenti jinsabu fuq quddiem nett.

Fl-Italja u fi Franza, il-protesti tal-istudenti  qed jieħdu spinta akbar minn dik tas-snin preċedenti. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fiż-żewġ pajjiżi ngħaqdu mal-protesti gruppi ġodda ta’ nies, u jidher li xi wħud minnhom kellhom l-intenzjoni li jagħmlu ħsara lill-proprjetà u jikkonfrontaw lill-Pulizija. 

Il-gvern Franċiż ħabbar operazzjoni kbira ta’ sigurtà biex jipprevjeni li dawn l-avvenimenti jerġgħu jseħħu fi tmiem il-ġimgħa li ġej. Sadanittant, Ruma imponiet liġi ta’ emerġenza estensiva dwar is-sigurtà, evidentement imħassba dwar il-possibbiltà li l-inkwiet jinfirex minn pajjiż għal ieħor.

Franza: studenti, rewwixti u ‘curfews’

Fi Franza, fl-aħħar ġimgħat bdew isiru popolari ħafna fuq l-internet sejħiet għal protesti nazzjonali fis-17 ta’ Ottubru kontra l-prezzijiet tal-fjuwil u l-għoli tal-ħajja. Dawn ġew ippreżentati bħala qawmien mill-ġdid tal-moviment tal-«gilets jaunes», jiġifieri l-moviment tal-«flokkijiet sofor». Separatament, fis-17 ta’ Settembru, studenti fi skola sekondarja fi Créteil, fix-Xlokk ta’ Pariġi, bdew jipprotestaw minħabba n-nuqqas ta’ għalliema.

Il-protesti nfirxu għal skejjel sekondarji oħra. L-iskejjel tbattlu hekk kif l-istudenti bdew jimmarċjaw nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħamis. L-għaqdiet tal-għalliema ddikjaraw l-appoġġ tagħhom, u ngħaqdu magħhom anki l-universitajiet, minħabba r-rabja kbira għall-mod kif il-pulizija wieġbet għall-protesti, meqjus bħala eċċessivament iebes. Il-moviment kien qed jikseb aktar saħħa.

Nhar is-Sibt, 17 ta’ Ottubru, il-moviment tal-istudenti ngħaqad mas-sejħa tal-flokkijiet sofor. Il-protesti spiċaw vjolenti għal aħħar b’attakki fuq negozji, L-inkwiet naqas hekk kif l-awtoritajiet Franċiżi ħabbru ‘curfews’ f’diversi lokalitajiet 

Issa l-attenzjoni kollha hija fuq il-protesti li jmiss: il-moviment tal-flokkijiet sofor sejjaħ għal protesti llum 24 ta’ Ottubru, filwaqt li l-għaqdiet tal-ħaddiema sejħu għal protesta kbira u strajk fil-5 ta’ Novembru.

Il-Belġju: l-inkwiet fi Franza jaqsam il-fruntiera

Fil-Belġju, studenti tal-iskejjel sekondarji bdew jipprotestaw b’solidarjetà ma’ sħabhom fi Franza mill-1 ta’ Ottubru. Fl-9 ta’ Ottubru, għexieren ta’ eluf ta’ persuni mmarċjaw jipprotestaw kontra l-kundizzjonijiet fl-iskejjel u l-miżuri ta’ awsterità, jiġifieri t-tnaqqis fl-infiq pubbliku. Fis-17 ta’ Ottubru, protesta iżgħar kontra l-għoli tal-ħajja wasslet għal konfronti vjolenti mal-Pulizija.

L-Italja: protesti, vjolenza u repressjoni

Fl-Italja, il-protesti  u l-okkupazzjoni tal-iskejjel sekondarji mill-istudenti huma kważi avveniment staġjonali.

F’Ruma, din is-sena kollox beda b’marċ ta’ għexieren ta’ eluf ta’ persuni b’solidarjetà mal-Palestina fit-22 ta’ Settembru. Matul dan il-marċ, studenti okkupaw parti mill-Università La Sapienza. Wara ġiet okkupata skola sekondarja oħra.

Fl-24 ta’ Settembru, il-gvern tal-Prim Ministru Giorgia Meloni approva digriet ta’ emerġenza li jillimita l-perċentwal ta’ studenti li mhumiex ċittadini Taljani li jistgħu jkunu f’kull klassi. B’risposta għal din il-miżura, diversi skejjel sekondarji oħra bdew jipprotestaw. Fis-16 ta’ Ottubru, studenti mmarċjaw f’diversi nħawi tal-Italja taħt l-islogan ‘No Meloni Day’. L-ilmenti tagħhom kienu jinkludu l-kundizzjonijiet fl-iskejjel, il-finanzjament għall-industrija tad-difiża u d-digriet tal-gvern dwar l-iskejjel. Huma esprimew ukoll solidarjetà mal-istudenti fi Franza.

Il-kanali tal-midja soċjali ‘L’Italia in Piazza’ u ‘Movimento 17 Ottobre’ sejħu għal protesti kontra l-għoli tal-ħajja f’diversi bliet Taljani nhar is-Sibt, 17 ta’ Ottubru. F’xi bliet, is-sejħa ftit li xejn kellha rispons. F’Milan, marċ ta’ protesta ġie kkonfrontat mill-Pulizija u spiċċa f’rewwixti, diżordni u  vjoelnza, f’xeni li fakkru f’dawk li kienu qed iseħħu fl-istess ħin fi Franza.

Il-midja Taljana tirrapporta li dawk involuti fl-inkwiet kienu żgħażagħ żvantaġġati li ġejjin mis-subborgi, grupp differenti mill-istudenti li kienu qed jipprotestaw. Jidher li l-parteċipazzjoni tagħhom kienet imqanqla minn filmati fuq il-midja soċjali. Nhar il-Ħadd, 18 ta’ Ottubru, seħħew aktar rewwixti sporadiċi, li għal darb’oħra ġew attribwiti lil avviżi fui il-midja soċjali.

Il-gvern ħabbar li se jibgħat suldati tal-armata f’Milan. Evidentement, il-gvern ta’ Meloni kien imħasseb dwar il-possibbiltà li r-rewwixti jinfirxu għal bliet oħra, u għalhekk it-Tlieta filgħaxija approva digriet ta’ emerġenza estensiv.

Id-digriet inaqqas għal 14-il sena l-età minima prevista għal ċerti forom ta’ responsabbiltà kriminali, jestendi s-setgħat ta’ detenzjoni preventiva għal persuni mill-età ta’ 16-il sena, jintroduċi multi għall-ġenituri ta’ minorenni involuti f’atti ta’ diżordni pubblika u joħloq reat kriminali ġdid imsejjaħ ‘vjolenza organizzata waqt protesti pubbliċi’.
Dawn id-digrieti ta’ emerġenza jidħlu fis-seħħ immedjatament fl-Italja, iżda jridu jiġu approvati mill-Parlament fi żmien 60 jum; inkella, jitilfu l-validità tagħhom.

Il-‘Movimento 17 Ottobru’ sejjaħ għal protesti kull nhar ta’ Sibt fit-3:00 ta’ wara nofsinhar. L-istudenti u l-movimenti popolari sejħu għal jum ieħor ta’ protesta fit-30 ta’ Ottubru. L-għaqdiet ewlenin tal-ħaddiema sejħu għal strajk ġenerali fl-20 ta’ Novembru.

Spanja: kirjiet, żgumbramenti u rabja

Fi Spanja ukoll saru protesti kbar mifruxin dwar il-kriżi tad-djar. Ir-rabja laħqet il-qofol tagħha wara l-iżgumbrament u l-mewt sussegwenti ta’ Maricarmen Abascal, armla ta’ 87 sena minn Madrid, li tilfet l-appartament tagħha wara li kienet għexet fih għal 60 sena. Dan seħħ wara li kumpanija ta’ investiment xtrat il-proprjetà u hi ma setgħetx taffordja ż-żieda fil-kera. F’xi bliet, id-dimostranti waqqfu kampijiet ta’ protesta.

Wara li naqas milli jgħaddi miżuri biex itaffi l-kriżi tad-djar minħabba l-fatt li l-Parlament kien maqsum u ma kienx hemm maġġoranza ċara, il-Prim Ministru Pedro Sánchez sejjaħ elezzjoni bikrija għad-29 ta’ Novembru.

Fil-Portugall saru protesti relatati wkoll maż-żieda qawwija fl-ispejjeż tad-djar. Id-dimostranti waqqfu kampijiet ta’ protesta f’Lisbona u Porto.

L-Albanija: ir-rewwixta mmexxija miż-żgħażagħ tikber

Fl-Albanija, l-ewwel protesti seħħew f’Mejju kontra l-pjanijiet għall-iżvilupp ta’ gżira protetta minħabba l-valur ekoloġiku tagħha, proġett li kien qed jiġi sorveljat minn Jared Kushner, iben il-mara ta’ Donald Trump. Il-gvern tal-Prim Ministru Edi Rama ġie akkużat b’favoritiżmu lejn persuni qrib il-poter.

Fit-13 ta’ Ottubru faqqgħu protesti ġodda, ikkoordinati permezz tal-midja soċjali, bl-istudenti tal-iskejjel sekondarji u tal-universitajiet fuq quddiem nett.

It-talbiet tagħhom jiffukaw fuq il-miżati għoljin tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet ħżiena fil-kampus universitarji. Madankollu, il-protesti jirriflettu wkoll nuqqas ta’ sodisfazzjon usa’ bil-gvern, in-nuqqas ta’ progress ekonomiku u allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.

Matul l-aħħar ġimgħa kien hemm konfronti ħorox bejn il-pulizija u d-dimostranti, li qed jitolbu r-riżenja ta’ Rama. Il-protesti kienu caratterizzati minn vjolenza kbira.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport