Il-General Workers’ Union (GWU) kellha laqgħa mal-Ambaxxatur tal-Palestina għal Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Fadi Hanania, li matulha ġew diskussi s-sitwazzjoni fil-Palestina, l-isfidi li qed jaffaċċja l-poplu Palestinjan u l-importanza tas-solidarjetà internazzjonali.
Matul il-laqgħa, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, tenna l-appoġġ tal-Union għall-paċi, il-ġustizzja u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem. Huwa enfasizza li s-solidarjetà mal-poplu Palestinjan għandha tmur lil hinn mill-kliem u tissarraf f’azzjonijiet konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ dawk milquta mill-kunflitt.
Camilleri sostna li l-GWU, bħala organizzazzjoni li tħares id-drittijiet u d-dinjità tal-ħaddiema, temmen fil-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet ġusti u sostenibbli, filwaqt li tkompli tingħata għajnuna umanitarja u medika lill-poplu Palestinjan.
Flimkien iddiskutew l-opportunitajiet ta’ impjieg f’Malta għall-ħaddiema Palestinjani.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela sostna li inizjattiva bħal din tista’ tkun ta’ benefiċċju kemm għall-ekonomija Maltija, billi tgħin biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, kif ukoll għall-ħaddiema Palestinjani, billi toffrilhom opportunitajiet ta’ impjieg, stabbiltà u futur aħjar.
Huwa enfasizza wkoll id-dimensjoni umanitarja ta’ din il-proposta, li tista’ toffri opportunitajiet ġodda lil persuni li qed jaffaċċjaw ċirkostanzi diffiċli minħabba s-sitwazzjoni f’pajjiżhom.
L-Ambaxxatur Palestinjan japprezza l-appoġġ tal-poplu Malti
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Fadi Hanania esprima l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ u s-solidarjetà li l-poplu Malti qed juri lejn il-Palestina. Huwa sostna li dan l-appoġġ jinħass mill-poplu Palestinjan u huwa ta’ importanza kbira f’dan il-mument diffiċli.
L-Ambaxxatur appella biex dawk kollha li jemmnu fil-ġustizzja jkomplu jagħmlu aktar pressjoni favur il-paċi, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u soluzzjoni ġusta għall-poplu Palestinjan.
Huwa talab ukoll li tkompli tissaħħaħ is-solidarjetà u l-għajnuna konkreta, partikolarment fil-qasam umanitarju u tas-saħħa, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet.
“Flimkien nistgħu nagħmlu differenza,” sostna l-Ambaxxatur Hanania, filwaqt li rringrazzja lill-GWU għall-appoġġ u r-rieda tagħha li tkompli tikkontribwixxi għal inizjattivi favur il-poplu Palestinjan.
Il-GWU tenniet l-impenn tagħha li tkompli tagħti leħinha favur il-paċi, id-dinjità umana u s-solidarjetà internazzjonali, filwaqt li tappoġġja inizjattivi li jistgħu joffru tama u opportunitajiet aħjar lill-poplu Palestinjan.
