Wara sentejn u nofs li matulhom l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, l-Irlandiż Jeremy Harbinson irrifjuta t-talbiet kollha li sarulu mill-Qorti sabiex jixhed fil-proċeduri li għaddejin, ilbieraħ sar magħruf illi l-awtoritajiet ġudizzjarji Irlandiżi talbu data sabiex joħorġu taħrika fil-konfront ta’ l-istess Harbinson bil-għan li jidher quddiem Qorti f’Belfast u jixhed minn hemmhekk. Irriżulta iżda li l-avukati ta’ Harbinson ma jridux jagħtu indirizz fejn tintbagħat din it-taħrika u li taħt il-liġi Ingliża, Harbinson jista’ jikkontesta din it-taħrika.
Meta lbieraħ filgħodu kompliet tinstema’ l-kawża li fetħu wħud mill-akkużati dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet dwar l-ordnijiet tal-iffriżar tal-assi fil-konfront tagħhom, l-Imħallef Edwina Grima rrimarkat illi taħt il-liġi Maltija, ebda taħrika ma tista’ tiġi kkontestata.
L-Imħallef ordnat lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex qabel is-seduta li jmiss, li se ssir fl-20 ta’ Novembru, jikkomunikaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji Irlandiżi bil-għan li dawn jinformawhom jekk ikunux sabu lil Harbinson u jekkk iva jekk hux se jkun qiegħed jikkontesta t-taħrika.
L-avukat Vince Galea li qiegħed jidher għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat saħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet Irlandiżi jkunu konxji ta’ affidavit li Harbinson kien ippreżenta fil-Qorti f’Malta fi Frar tas-sena l-oħra fejn kien iddikjara li mhux lest li jixhed u li ma jistax jixhed għax kien ċeda l-warrant u li jekk jixhed, taħt il-liġi Ingliża, jinkrimina lilu nnifsu.
Dr Galea qal ukoll li quddiem l-informazzjoni li ingħatat, l-avukati tad-difiża minn naħa għandhom dritt li jkunu preżenti hdejn Harbinson jekk dan se jixhed minn Qorti fir-Renju Unit waqt li fl-istess ħin mhux jirrinunjzjaw id-dritt li jitolbu li Harbinson ikun preżenti fiżikament fil-Qorti u jixhed viva voce.
Fuq talba tal-avukatessa Kathleen Calleja Grima, il-Qorti qablet illi l-avukati tad-difiża jkunu informati fi żmien raġjonevoli dwar jekk Harbinson hux se jkun ġie effettivament notifikat jew le qabel id-data li fiha possibilment ikun se jixhed biex ikunu jistgħu jsiru l-preparamenrti kollha b’rabta mal-kontro eżami tax-xhud.
Fil-bidu tas-seduta, kif kien diġa xehed f’Lulju fi proċeduri separati, s-Superintedent Mario Cuschieri reġa’ informa lill-Qorti li fl-10 ta’ Mejju li għadda Harbinson kien intraċċat fl-ajruport ta’ Amsterdam fl-Olanda u meta intalab jagħti indirizz fejn jgħix, ipprovda indirizz fl-Irlanda li l-Qorti Maltija diġa’ għandha. Is-Superintedent Cuschieri żied li minn Mejju sal-lum il-Pulizija ma kellix żviluppi jew informazzjoni ġdida dwar fejn jinstab Harbinson.
