Hekk kif qed noqorbu lejn il-Budget għas-sena 2027, diġà qed joħorġu diversi indikazzjonijiet li juru li dan il-Budget mistenni jkompli jagħti prijorità lis-settur soċjali. L-għan ewlieni jibqa’ dak li l-familji jingħataw aktar sostenn, b’attenzjoni speċjali lejn dawk l-aktar fil-bżonn u l-persuni vulnerabbli, filwaqt li n-negozji jkomplu jirċievu l-appoġġ meħtieġ biex ikomplu joperaw u jikbru.
Il-livelli għoljin ta’ implimentazzjoni li pajjiżna qed jirreġistra sena wara l-oħra huma xhieda tal-mod responsabbli u prudenti li bih qed jitħejjew il-Budgets. Filwaqt li f’diversi pajjiżi oħra ttieħdu deċiżjonijiet li wasslu għal aktar pressjoni fuq iċ-ċittadini, Malta kompliet timxi fuq triq differenti. L-ekonomija Maltija għadha turi saħħa u reżiljenza, ir-rata ta’ impjieg tinsab f’livelli rekord u l-finanzi pubbliċi qed juru titjib progressiv minn sena għal oħra.
Dawn ir-riżultati għandhom iservu ta’ inkoraġġiment għall-poplu Malti u Għawdxi, speċjalment meta wieħed iqis li l-Budgets imħabbra minn dan il-Gvern komplew jibnu fuq il-miżuri u l-inizjattivi tas-snin ta’ qabel. Dan kollu seta’ jseħħ bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha u kapaċi taffaċċja l-isfidi, li permezz ta’ politika ekonomika responsabbli kompliet iżżomm lill-pajjiż miexi ’l quddiem. Għalhekk, il-kapaċità li jiġu mwettqa l-miżuri mħabbra tibqa’ marbuta mill-qrib mal-ħidma biex l-ekonomija tkompli tikber u toħloq aktar opportunitajiet għal kulħadd.
F’dan l-isfond, hemm aspettattiva li l-Budget 2027 ikompli jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jpoġġi lill-familji fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Dan ifisser li jibqa’ jingħata sostenn lil dawk li l-aktar jeħtiġuh, filwaqt li n-negozji jingħataw l-għodod u l-għajnuna neċessarja biex ikomplu jinvestu u jsaħħu l-attività ekonomika tagħhom.
Dan kollu għandu jsir b’mod li ma jinħolqux piżijiet fiskali ġodda fuq il-poplu, filwaqt li jinżamm l-appoġġ li diġà qed jingħata permezz tas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, li jgħinu biex jittaffa l-impatt tal-għoli tal-ħajja.
Għaldaqstant, hemm raġunijiet biex wieħed iħares lejn il-Budget 2027 b’fiduċja u b’ottimiżmu. L-aspettattiva hija li l-miżuri li se jitħabbru jkunu jirriflettu l-ħtiġijiet reali tas-soċjetà u jkomplu jagħtu direzzjoni ċara għall-futur ta’ pajjiżna. L-isfida mhijiex biss li jitħabbru inizjattivi ġodda, iżda li dawn jitwettqu u jħallu effett konkret fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan għandu jibqa’ wieħed: li l-familji jkollhom aktar serħan il-moħħ, in-negozji jkomplu jimirħu ’l quddiem u l-kwalità tal-ħajja f’Malta tkompli titjieb, sabiex il-futur ikun aħjar mill-preżent.
