Nfasslu sinerġiji ġodda…inħaddnu l-koeżistenza miftuħa- l-eks Speaker Anġlu Farrugia

Aqra wkoll

“Iċ-Ċina għandha tkun kburija li hija ċ-Ċina. L-Ewropa għandha tkun kburija li hija l-Ewropa. Malta għandha tkun kburija bil-pont li għażlet li tkun. Iżda l-kburija qatt m’għandha tinbidel f’iżolament, u d-differenza qatt m’għandha ssir destin inevitabbli.”  Dan iddikjarah l-eks Speaker Anġlu Farrugia, waqt konferenza dwar il-futur  tar-relazjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Ewropa li saret fiċ-Ċina.

Beda d-diskors tieagħu billi qal li “hemm ħsieb Ċiniż antika li jgħid li l-armonija ma tfissirx uniformità. L-Ewropa tesprimi ħsieb simili fil-motto tagħha: Magħqudin fid-diversità. Dawn il-kliem ġejjin minn stejjer u kuntesti storiċi differenti, iżda jiltaqgħu fuq punt essenzjali wieħed: il-paċi ma teħtieġx li nkunu lkoll l-istess. Għalija, din hija t-tifsira vera tat-tema tagħna llum.  L-Ewropa m’għandhiex tiddefinixxi liċ-Ċina biss minn dak li tibża’ minnu. Iċ-Ċina m’għandhiex tiddefinixxi lill-Ewropa biss minn dik il-kritika li ssir lejha. Jekk nirriduċu lil xulxin għal relazzjoni mibnija fuq is-suspetti, eventwalment nibdew infasslu l-politiki tagħna fuq in-nuqqas ta’ fiduċja. Relazzjoni matura trid tkun b’saħħitha biżżejjed biex tisma’ nuqqas ta’ qbil mingħajr ma tqisu bħala ostilità.”

L-eks Speaker koppla jgħid li “l-Ewropa għandha għalfejn tkun kburija. Kontinent li ripetutament kien mifni mill-gwerer, iżda bena istituzzjonijiet imsejsa fuq il-kooperazzjoni u fuq il-konvinzjoni li dawk li qabel kienu għedewwa setgħu jaqsmu futur komuni. Iċ-Ċina wkoll għandha għalfejn tkun kburija. Fi ftit deċennji, għaddiet minn waħda mill-akbar trasformazzjonijiet ekonomiċi fl-istorja moderna. Ħarġet mijiet ta’ miljuni ta’ nies mill-faqar estrem u saret forza ewlenija fix-xjenza, fl-industrija u fil-kummerċ. La l-Ewropa u lanqas iċ-Ċina m’għandhom bżonn li jiddgħajjfu  biex huma jkunu jistgħu jżommu rashom ’il fuq.  Hu proprju hawnhekk fejn jibdew jinħolqu sinerġiji ġodda. L-Ewropa għandha tinvolvi ruħha maċ-Ċina b’kunfidenza.  Iċ-Ċina għandha tinvolvi ruħha mal-Ewropa bħala sieħba indipendenti li l-interessi u l-prinċipji tagħha jistħoqqilhom ir-rispett. Sħab serji ma jevitawx il-mistoqsijiet diffiċli. Jiffaċċjawhom. Ir-reċiproċità hija importanti. L-aċċess ġust huwa importanti. Id-dritt internazzjonali huwa importanti. Il-ftuħ ekonomiku m’għandux jinbidel f’dipendenza, u l-kompetizzjoni m’għandhiex tinbidel f’konfrontazzjoni permanenti.”

Anġlu Farrugia iddikjara li “din ir-relazzjoni tmur lil hinn mill-ekonomija. It-tibdil fil-klima, l-intelliġenza artifiċjali, is-saħħa pubblika, l-enerġija u l-progress xjentifiku ma għandhomx passaport. L-umanità mhux se tistaqsi jekk soluzzjoni kinitx Ċiniża jew Ewropea. Se tistaqsi jekk kellniex l-għerf li nsibuha. Malta tifhem il-valur li nżommu l-bibien miftuħa. Fil-31 ta’ Jannar 1972, Malta stabbiliet relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Konna stat żgħir, iżda qatt ma emminna li d-daqs żgħir tagħna kien ifisser li ma kellniex rilevanza. Iktar minn ħamsin sena wara, din ir-relazzjoni għadha tissokta għax inbniet fuq il-kontinwità, ir-rispett u l-kooperazzjoni prattika. L-eks Prim Ministru ta’ Malta, Dom Mintoff, kien wissa li: “ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran.” Fakkart f’dan il-kliem fil-Kajr is-sena l-oħra, għax għadu jgħodd sa llum. Il-President Emeritu ta’ Malta, Guido de Marco, kien esprima konvinzjoni Maltija oħra: “jekk trid il-paċi, ħejji ruħek għall-paċi.” Dawn il-mexxejja kienu ġejjin minn tradizzjonijiet politiċi differenti, iżda fuq dan il-punt Malta tkellmet b’vuċi waħda: il-paċi mhix passività. Il-paċi trid tinbena.”

Fid-diskors tiegħu kompla jgħid li “din mhijiex pożizzjoni ġdida. Fl-10 ta’ April tas-sena 2016, waqt laqgħa f’Malta mas-Sur Yu Zhengsheng, li dak iż-żmien kien Chairman tal-Kumitat Nazzjonali tal-Konferenza Konsultattiva Politika tal-Poplu Ċiniż, iddiskutejna t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ parlamenti tagħna u t-twessigħ tal-kooperazzjoni fix-xjenza, fit-teknoloġija, fis-sajd u fit-turiżmu. Dak iż-żmien, CCTV.com irrapporta li ċ-Ċina kienet lesta taħdem mal-Parlament Malti biex tavvanza r-relazzjonijiet bilaterali, filwaqt li jien tennejt kemm Malta kienet tagħti valur għoli lir-relazzjonijiet tagħha maċ-Ċina. Illum infakkar f’dik il-laqgħa gsħax, sa minn dak iż-żmien, id-direzzjoni kienet ċara: il-ħbiberija tagħna kellha tinbidel f’kooperazzjoni prattika. Hekk nifhem ukoll in-newtralità ta’ Malta. Din mhix indifferenza. Hi r-responsabbiltà li nżommu l-bibien miftuħa, nitkellmu b’indipendenza u niddefendu s-soluzzjoni paċifika tat-tilwim. Matul it-tlettax-il sena li qattajt bħala Speaker tal-Kamra tad-Deputati ta’ Malta, tgħallimt li d-diplomazija Parlamentari tkun l-aktar importanti meta jkun l-aktar diffiċli li jintlaħaq qbil. Xi drabi, konverżazzjoni waħda onesta tista’ tevita ħafna nuqqas ta’ ftehim.”

Enfasizza li “l-President tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, Xi Jinping, fid-diskors tiegħu fil-Kulleġġ tal-Ewropa, għaqqad flimkien il-ħsieb Ċiniż tal-“armonija mingħajr uniformità” u l-prinċipju Ewropew tal-“għaqda fid-diversità”. Huwa tkellem dwar il-possibbiltà li l-fjuri taċ-ċiviltà umana jwarrdu flimkien. Nemmen li f’dan il-ħsieb hemm xi ħaġa tassew importanti.  Iċ-Ċina għandha tkun kburija li hija ċ-Ċina. L-Ewropa għandha tkun kburija li hija l-Ewropa. Malta għandha tkun kburija bil-pont li għażlet li tkun. Iżda l-kburija qatt m’għandha tinbidel f’iżolament, u d-differenza qatt m’għandha ssir destin inevitabbli.  M’għandniex bżonn dinja fejn ċiviltà tegħleb lil oħra. Għandna bżonn dinja fejn iċ-ċiviltajiet ikollhom biżżejjed kunfidenza biex jiltaqgħu, biżżejjed saħħa biex ma jaqblux u biżżejjed għerf biex jitgħallmu minn xulxin. Għalhekk, ejjew noħolqu sinerġiji ġodda fejn jiltaqgħu l-interessi tagħna. Ejjew nipprattikaw il-koeżistenza miftuħa fejn jibqgħu jeżistu d-differenzi. Ejjew nikkompetu b’mod ġust, nitkellmu b’mod sinċier u nikkooperaw b’impenn serju.  Dań għax fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess tar-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Ewropa mhux se jitkejjel biss fiċ-ċifri tal-kummerċ, fil-ftehimiet jew fil-komunikati uffiċjali. Se jitkejjel minn jekk irnexxilniex inħallu lill-ġenerazzjoni li jmiss dinja inqas mifruda minn dik li writna aħna.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport