L-istabilità tibqa’ ċ-ċavetta tas-suċċess tal-Gvern f’Ewropa ta’ tensjoni u awsterità

Waqt li bliet bħal Pariġi, Milan, Brussell u Tirana qed jiffaċċjaw tensjonijiet kbar sforz l-awsterità u l-għoli tal-ħajja f’Malta l-Gvern ta’ Dr Robert Abela jkompli joffri l-istabilità

Aqra wkoll

Minn Osservatur Politiku

Fl-aħħar ġimgħat rajna protesti vjolenti f’diversi pajjiżi madwar l-Unjoni Ewropea, protesti li spiċċaw f’rewwixti kkaraterizzati minn tkissir, serq u vandaliżmu ta’ monumenti. Protesti li kellhom bidu aktar paċifiku u marbut mal-edukazzjoni u l-iskejjel li spiċċaw iżda f’xejn inqas minn xeni xokkanti li heżżew lill-bliet u pajjiżi rispett-tivi imma wkoll lill-Ewropa nnifisha. 

Mix-xeni ta’ tkissir u karozzi jinħarqu f’Pariġi, għat-tfigħ ta’ ġebel u tkissir ta’ ħwienet fil-Pjazza Duomo f’Milan, għal protesti qliel f’Tirana l-Albanija wara protesti kbar oħrajn fi Spanja li wasslu għall-elezzjoni bikrija. 

Diversi sistemi politiċi u mexxejja qed jiġu sfidati u jinsabu taħt pressjoni enormi, mhux l-inqas fi Franza u l-Italja li fi ftit tax-xhur oħra jersqu għall-elezzjoni ġenerali. 

Dan kollu jikkuntrasta bil-qawwi ma’ dak li qed iseħħ f’pajjiżna, b’kalma u paċi industrijali relattiva li issa ilha tiddomina sa mill-2013. Jikkuntrasta wkoll il-fatt li filwaqt li f’diversi pajjiżi qed tkun adottata l-awsterità, f’Malta l-Gvern qed ikompli bil-politika li tgħin lin-nies u tagħtihom l-inċentivi. U finalment tikkuntrasta wkoll l-istabilità, ta’ Gvern f’Malta li huwa stabbli mhux biss għax għandu maġġoranza komda fil-Parlament imma għax jibqa’ Gvern li ħaddem politika prevedibbli fil-qasam ekonomiku: Xejn xokkijiet, xejn miżuri sorpriża li jgħaddu lill-poplu minn tbatijiet u twemmin sod  – minkejja kull kritika – f’mudell ekonomiku li jħalli lin-nies jinvestu, jikbru, jimirħu, jinvestu u jimpjegaw lin-nies. Mudell ekonomiku li ħoloq il-ġid, ħoloq ix-xogħol, ħoloq id-domanda u allura l-bżonn ta’ fornitura ta’ servizzi u ħoloq suq kompettitiv. Mudell li  ħoloq biżżejjed ġid biex dan jitqassam mal-poplu f’miżuri u benefiċċji budget wara l-ieħor! U finalment mudell ekonomiku li ħoloq biżżejjed flus biex meta wasal il-mument tal-bżonn il-pajjiż kien jaffordja jieħu miżuri favur il-familji.

Iva, vera, ħoloq ukoll pressjoni fuq l-infrastruttura u ħoloq bżonn li jsir investiment fit-toroq, fl-enerġija, fl-isptarijiet u fit-trasport pubbliku, fost oħrajn. Pressjoni li forsi tidher ikbar mir-rispons f’xi każi, iżda li l-poplu b’xi mod qed jaċċetta għax jaf li fis-somma globali dan kollu qed iġib l-istabilità. 

Il-Gvern ta’ Dr Robert Abela huwa stabbli għax huwa b’saħħtu u wera’ li huwa hekk meta ffaċċjat bl-eqqel kriżijiet internazzjonali: Pandemija, gwerra, inflazzjoni  u l-isplużjoni fil-prezzijiet tal-enerġija. 

Aħna poplu li nħobbu l-istabilità

‘Il-poplu Malti ħallih jaħdem u jaqla’ lira’ 

Hekk jingħad ħafna drabi forsi b’ċajta, imma fil-verità hija ċajta/stqarrija li għandha l-għeruq tagħha fondi u b’saħħithom f’soċjetà li tħobb l-istabilità. In ġenerali il-poplu Malti ma jħobbx jmur wisq lilhinn minn dak li jaf u li dera bih. Irid jaħdem, jaqla’ dħul, igawdi ħajtu, irabbi familja, jixtri dar u jistenna li wara illi jirtira jieħu pensjoni. 

Il-fatt li l-Maltin japprezzaw l-istabbilità rajniha mas-snin fil-politika, fejn il-poplu baqa’ jagħżel sistema politika li fl-aħħar 40 sena kważi dejjem tat Gvern stabbli  – Jew Gvern Nazzjonalista jew Gvern Laburista. Dan jidher ċar ukoll mid-differenza kbira ta’ voti li jġibu partiti jew kandidati ta’ partiti oħrajn u iżgħar f’elezzjonijiet tal-MEPs jew inkella tal-Kunsilli Lokali meta mqabbel ma’ kemm iġibu voti fl-elezzjoni ġenerali. Huwa ċar li għall-elezzjonijiet li mhumiex ġenerali eluf ta’ votanti ma jiddejqu xejn jivvotaw lill-ADPD jew Momentum jew kandidati indipendenti, imma f’elezzjoni ġenerali jagħżlu Gvern li jagħti l-istabilità.

Gvern li joffri stabilità quddiem l-għawġ

Il-Gvern ta Dr. Robert Abela se jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aktar Gvernijiet li offra politika ta’ stabilità quddiem għawġ ekonomiku. Il-Gvern qed joħroġ miljuni kbar kull sena biex jissalvagwardja lill-familji u lin-negozji, kif ukoll l-impjiegi ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema milli jieħdu daqqa mortali bil-prezz tal-enerġija. 

Bil-politika tal-PM u l-Ministru tal-Finanzi pensjonant jaf li l-pensjoni se tiżdied, missier u omm jafu li l-elettriku, fjuwil u l-prezz tal-gass se jibqgħu stabbli – mhux jasal l-aħħar tax-xahar u jogħla kollox! Sid ta’ negozju jaf li l-Gvern mhux se jsallbu bil-kontijiet. 

Dik tfisser l-istabbilità. 

U madwarna rajna l-kontra. 

Fl-Italja qed naraw protesti kbar kontra l-Gvern ta’ Meloni proprju għax minflok stabilità, il-prezzijiet tal-fjuwils u enerġija splodew. U minn qed ibati? Qed ibatu dawk li jaħdmu fit-trasport, per eżempju. Il-familji, in-negozji. 

Kull fejn il-Gvern ħalla s-suq isuq mingħajr ebda forma ta’ intervent jew għajnuna, rajna protesti, staġnar u kaos. 

Il-Gvern ta’ Dr Robert Abela jintervjeni fejn jista’ u kemm jista’ biex is-suq jibqa’ jkun ġust lejn dawk li jifilħu l-inqas.

Snin ta’ paċi industrijali

Paċi Industrijali hija mfissra bħala pajjiż li jkun fi stat fejn ir-relazzjonijiet bejn l-impjegati, min iħaddem u l-Gvern ikunu nieqsa minn azzjonijiet bħal strikes jew tilwim industrijali sever. 

Mill-2013 Malta rat diversi istanzi ta’ azzjonijiet industrijali minn setturi differenti, iżda dawn kienu ftit episodji u ‘l bogħod minn xulxin u kienu ġejjin minn settur wieħed, f’ebda każ ma’ kien hawn azzjonijiet fuq livell nazzjonali. Ħafna drabi l-azzjonijiet kienu marbuta ma’ kundizzjonijiet jew ftehim kollettiv marbut ma’ settur partikolari iktar milli azzjoni ta’ unions minħabba policy nazzjonali (bħal meta diversi unions ingħaqdu biex jipprotestaw kontra ż-żieda fil-kontijiet tad-dawl taħt l-amministrazzjoni Gonzi).

Dawn l-14-il sena tista’ tgħid li kienu relattivament snin ta’ paċi industrijali fejn kien hemm ħafna aktar mumenti ta’ qbil milli ta’ diżgwid u ebda episodju ta’ konflitt fuq livell nazzjonali. 

Fost oħrajn diversi msieħba soċjali ġew flimkien fi qbil storiku għaż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali fl-2017 u mill-ġdid fl-2023. 

Il-Gvern adotta approċċ ħafna drabi konċiljatorju mal-unions, anke jekk kien hemm żewġ istanzi fejn id-differenzi kienu xi ftit jew wisq kbar. Gvern Laburista – kemm taħt it-tmexxija ta’ Dr Joseph Muscat kif ukoll ta’ Dr Robert Abela żammew kemm jista’ jkun ‘il bogħod mill-konfront dirett mal-unions jew min iħaddem. Dan, flimkien mal-politika tal-inċentiv, għenu biex jinħoloq ambjent seren ta’ ħidma u paċi indistrijali. 

Tista’ tgħid li f’14-il sena ma saritx protesta nazzjonali waħda li hi waħda dwar il-kundizzjonijiet, il-qasam jew ir-realtà tax-xogħol. Saru protesti fuq l-ambjent, fuq ir-rule of law, imma qatt dwar il-ħaddiem. 

Dan minnu nnifsu huwa ċertifikat ta’ kemm Malta verament qed tgħix era ta’ paċi industrijali. 

Differenza kbira madwarna, fejn rajna diversi bliet u pajjiżi jiffaċjaw il-korla tal-ħaddiem li kellu d-dħul tiegħu mikul mill-astwerità. 

Gvern li qed iwieġeb għall-ilmenti

Minkejja l-kritika u anke xettiċiżmu minn bosta bnadi l-għażla ta’ Glenn Bedingfield bħala Ministru tal-Intern qed tidher dejjem aktar bħala għażla għaqlija tal-Prim Ministru Abela. 

Gvern Laburista intebaħ li n-nuqqas ta’ paċenzja fuq l-illegalitajiet u lejn dawk li jaħsbu li Malta hija xi playing field ta’ sokor u burdell fost in-nies bdiet tikber. 

F’dawn l-ewwel xhur ta’ Gvern Laburista rajna lingwaġġ iebes fil-konfront ta’ ksur ta’ liġi, mill-Ministru tal-Intern, imma mhux biss!

Ġew introdotti u ftit wara biss, imsaħħa l-On the Spot Fines. Fi ftit xhur ħarġu mal-eluf f’multi lil turisti li ma kinux qed iġibu ruħhom sew. 

Il-Gvern kompla u forsi kompla b’aktar ħidma, spezzjonijiet biex ikun aċċertat li min ma għandux permess ikun Malta, ma jkunx. Spezzjonijiet li saru fuq il-post tax-xogħol, fit-trasport pubbliku u fit-toroq. Dawn l-ispezzjonijiet ġabu element ta’ kritika, iżda jinħass li l-maġġoranza tal-poplu japprezza dan il-livell tad-dixxiplina. Tneħħa status ta’ refuġjat ta’ persuni li xellfu difrejhom mal-ġustizzja diversi drabi filwaqt li kellna każ ta’ persuna li litteralment tkeċċiet mill-pajjiż għax mar jgħum għarwien f’funtana fil-pjazza ta’ Ħaż Żebbuġ! 

Issa din ix-xejra tkomplix jew le għad irridu naraw, iżda l-messaġġ li qed jintbagħat huwa ċar: Il-Gvern fehem li l-poplu qed jiddejjaq bil-ksuħat, l-imġieba ħażina u l-illegalità ta’ ċerti persuni li qed nilqgħu fostna u qed jieħu azzjoni u qed jidher li qed jieħu azzjoni! 

Jista’ persuna jgħid li mhux biżżejjed, imma l-punt kollu huwa li l-Gvern irrealizza u qed jieħu azzjoni! 

U dik tagħmel differenza kbira u kruċjali għax titfa’ l-ilma fuq il-fjamma li tista’ ssir ħuġġieġa, kif rajna f’Pariġi, f’Milan u f’Tirana. 

Gvern Laburista matul is-snin,  fl-oppożizzjoni imma anke f’dawn l-14-il sena fil-Gvern, kompla jkun flessibbli biżżejjed biex jilqa’ għall-isfidi, jirrispondi għar-realtajiet jinbiddlu tas-soċjetà u joffri l-aktar element importanti għal Malta: L-istabilità. 

Għada meta jitħabbar il-Budget 2027 nistennew l-ewwel u qabel kollox il-kontinwazzjoni tal-politika tal-istabilità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport