F’intervista ma’ It-Torċa, jum biss qabel jitħabbar il-budget il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li jekk hemm sezzjoni tal-poplu li Budget wara Budget dejjem tpoġġiet bħala priorità minn dan il-Gvern, żgur li huma l-pensjonanti.
“Qatt daqs dawn l-aħħar snin ta’ Gvern Laburista, l-anzjani ma bbenefikaw minn daqstant żidiet b’saħħithom,” sostna l-Ministru Caruana. Huwa qal li dan, il-Gvern għamlu għax dejjem kien rikonoxxenti lejn il-pensjonanti, “li wara kollox dan il-pajjiż huma bnewh. Il-prinċipju soċjali ta’ dan il-Gvern huwa ċar: Ħadd mill-anzjani u pensjonanti m’għandu jitħalla lura.”
Huwa rrimarka li dan mhux qed jgħidu biss, imma l-fatti u n-numri jixhdu l-ħidma tal-Gvern fil-qasam.
“Sentejn ilu, il-Gvern investa €1,336 miljun (€1.33 biljun) fuq l-anzjani. Dan ma kienx limitat għall-pensjonijiet biss. Minbarra l-pensjonijiet tal-età, €105 miljuni marru lejn il-pensjonijiet tas-servizz u €265 miljun fuq il-kura, mid-djar tal-anzjani sal-kura fil-komunità,” sostna l-Ministru mat-Torċa.
Huwa kompla billi fakkar li s-sena l-oħra fil-Budget aktar minn 100,000 pensjonant ingħataw żieda oħra ta’ €10 fil-ġimgħa. Il-Ministru qal li din il-miżura waħedha fissret €60 miljun oħra fil-bwiet tal-pensjonanti Maltin u Għawdxin.
“Barra minn hekk, minn din is-sena, il-pensjoni ta’ kull min għandu 61 sena jew aktar ma baqgħetx aktar taxxabbli, sal-limitu stabbilit bil-liġi. Dan biex ma nsemmux l-lista twila ta’ żidiet oħra: Fil-pensjoni tar-Romol, fil-Allowance Supplimentari, fil-benefiċċji tal-mard u fil-pensjoni tal-miżżewġin, fost oħrajn.
Il-Ministru tal-Finanzi spjega ma’ din il-gazzetta li fil-verità, apparti li bnew pajjiż il-pensjonanti huma l-aktar sezzjoni tal-pajjiż li huma vulnerabbli għal bidliet u żidiet bħal f’kontijiet tad-dawl u l-ilma.
“Kulħadd konxju ta’ dak li qed jiġri fid-dinja bħalissa. Deċizjonjiet li ħadu Gvernijiet differenti qed iwasslu għall-piżijiet kbar fuq iċ-ċittadini tagħhom. Iżda hawn Malta l-Gvern baqa’ jipproteġi lin-nies, speċjalment lill-faxxex l-iktar vulnerabbli għal dawn id-daqqiet,” kompla jgħid. Il-Ministru tal-Finanzi saħaq illi kieku ma kienx għall-għaqal u s-sensittività tal-Gvern jew kieku għamel kif kien hemm min issuġġerixxa, il-pensjonanti Maltin “kienu jispiċċaw iħallsu l-prezz ta’ gwerra li m’għandha x’taqsam xejn magħhom.”
Mhux il-flus biss jagħmlu d-dinjità
Mat-Torċa l-Ministru tal-Finanzi qal iżda li filwaqt li l-pensjonijiet u ż-żieda fihom huma importanti, dawn huma parti mill-istorja u mill-ġid li wettaq il-Gvern favur l-anzjani u l-pensjonanti.
“Id-dinjità, li ma titkejjilx biss bil-flus li tirċievi. Id-dinjità tfisser li tkun tista’ tibqa’ tgħix f’darek, li jkollok il-kura meta jkollok bżonnha u li ma tħossokx ta’ piż, fuq ħadd.”
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana temm jgħid li huwa proprju għalhekk li ddaħħlu diversi miżuri oħra bħaż-żidiet fil-Carers’ Grant, l-estensjoni tal-eliġibiltà tal-Karta r-Roża u għotjiet għall-anzjani li jgħixu fi djarhom fost oħrajn.
