Illum qegħdin ngħixu fi żmien fejn aktar minn qatt qabel qegħdin naraw partiti tal-lemin estrem jinnormalizzaw il-kontroversji tal-passat. Qegħdin jippruvaw jibdlu l-wiċċ tagħhom b’maskra li tidher sabiħa, imma wara dik il-maskra hemm l-istess dehra u l-istess azzjonijiet tal-passat. Qegħdin jagħmlu dan permezz tal-lingwaġġ li qegħdin jużaw. Fl-imgħoddi kienu jitkellmu direttament kontra immigranti u minoranzi, imma llum huma jgħidulek ‘kontroll tal-fruntieri’, jew ‘immigrazzjoni kontrollata’ jew ‘sigurtà’.
Fl-imgħoddi kienu jenfasizzaw in-nazzjonaliżmu, illum jitkellmu fuq “identità nazzjonali”, “valuri tradizzjonali” u “sovranità”. Fl-imgħoddi kienu jgħidu “aħna kontra s-sistema”, imma llum il-messaġġ hu li “aħna nistgħu niggvernaw u nsiru l-alternattiva għall-partiti tradizzjonali.” Normalizzazzjoni ta’ ideat li darba kienu meqjusa estremi u dan isir billi l-istess ideat ikunu komunikati b’lingwaġġ aktar moderat sabiex isiru aktar aċċettabbli għall-votanti ordinarji.
Dak li ġara fil-Ġermanja
Ftit tal-jiem ilu rajna lill-Partit Alternattiva għall-Ġermanja (AfD), partit tal-lemin estrem, jagħmel wirja qawwija fl-elezzjoni fl-Istat ta’ Saxony-Anhalt. Partit tal-lemin estrem li għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘lhawn ġab 44 fil-mija tal-voti.
Immedjatament jirrispondi għal dan il-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz li fil-Bundestag qal li l-Alternattiva għall-Ġermanja (AfD) ma tistax tirbaħ maġġoranza assoluta fil-pajjiż bil-politika attwali tagħha, minkejja l-wirja qawwija tagħha fl-elezzjoni reċenti tal-istat ta’ Saxony-Anhalt. Meta tkellem fil-Bundestag, Merz qal li l-elezzjoni bagħtet “messaġġ ċar” lill-gvern federali u lilu nnifsu, iżda enfasizza li l-AfD ma rnexxilhiex tiżgura maġġoranza assoluta u ma tkunx tista’ tagħmel dan “imkien fil-Ġermanja” bil-politika attwali tagħha. Hu sejjaħ lill-AfD “forza distruttiva” u qal li l-koalizzjoni fil-gvern hija differenti b’mod notevoli mill-partit fuq politiki barranin, Ewropej, soċjali u ta’ paċi. Merz minkejja dan qal li l-Ġermanja se tkompli tappoġġja lill-Ukrajna. Ikkritika bil-qawwa l-politika ta’ “remigrazzjoni” tal-AfD, u sejjaħ it-terminu “sinonimu għal tindif etniku bbażat fuq l-oriġini u l-kulur tal-ġilda.” Iddikjara li l-Ġermanja għad għandha bżonn ħaddiema barranin f’setturi li jinkludu snajja’ tas-sengħa, infermiera u kura tas-saħħa.
Għaliex dan ir-riżultat?….skuntentizza fil-gvern
…imma mhux biss
Fl-elezzjoni statali ta’ Saxony-Anhalt fil-Ġermanja, fis-6 ta’ Settembru 2026, l-AfD kisbet 43.8 fil-mija tal-voti u 39 minn 83 siġġu, l-aħjar riżultat tagħha qatt f’elezzjoni statali. Madankollu, ma kisbitx il-maġġoranza assoluta. Alice Weidel, waħda miż-żewġ mexxejja ewlenin tal-AfD u waħda miż-żewġ mexxejja tal-grupp parlamentari tagħha, jidher li kellha impatt importanti. Dan għax għenet biex tagħmel l-AfD aktar viżibbli fuq livell nazzjonali. Apparti dan l-AfD għarfet l-iskuntentizza tal-poplu, u bħal ma jagħmlu l-partiti tal-lemin estrem iffukat l-attenzjoni biex tbeżża bl-immigrazzjoni, sigurtà u l-ekonomija, temi li ġibdu ħafna votanti. Wara r-riżultat, Weidel qalet li l-partit għandu l-għan li jikseb aktar minn 40 fil-mija fl-elezzjoni federali li jmiss.
Quddiem l-iskuntentizza tal-Ġermaniżi f’dan l-Istat fil-Lvant tal-Ġermanja, rajna tispikka l-politika diskriminatorja tal-AfD kontra l-barranin u l-immigranti.
Weidel iddikjarat li l-Ġermanja għandha tagħlaq il-fruntieri għal dħul illegali u twettaq deportazzjonijiet ta’ persuni li m’għandhomx dritt jibqgħu fil-pajjiż. Enfasizzat ir-‘remigrazzjoni’, kelma ġdida li qiegħda tintuża biex tidher inqas kerha Weidel sostniet li l-AfD trid “treġġa’ lura” parti mill-politika tal-immigrazzjoni tal-aħħar għaxar snin u tibgħat lura nies li, skont hi, m’għandhomx dritt jibqgħu. Ma jonqosx li fin-nofs tiddeffes ukoll il-kultura b’Weidel tgħid li kulturi differenti mhumiex dejjem kompatibbli, u użat dan bħala argument kontra aktar immigrazzjoni minn ċerti pajjiżi. Din id-dikjarazzjoni ġiet ikkritikata bħala esklużjonarja. Beżżgħet ukoll bis-servizzi soċjali u qalet li l-immigrazzjoni qed tpoġġi pressjoni fuq is-sistemi soċjali u fuq is-servizzi pubbliċi. Ma jonqosx li kritiċi jakkużawha li tuża lingwaġġ li jkabbar il-biża’ dwar l-immigrazzjoni.
Imma għaliex il-Ġermaniżi f’din il-parti
ivvutaw lil dan il-partit estrem
Wieħed irid jgħid li r-rebħa tal-AfD f’Saxony-Anhalt kienet storika, peress li l-partit kiseb 43.8 fil-mija tal-voti, l-aħjar riżultat tiegħu f’elezzjoni statali u wieħed mill-aktar suċċessi importanti tal-lemin estrem fil-Ġermanja mit-Tieni Gwerra Dinjija. Iqum l-argument u dan kien qiegħed isir sew li dan hu ekwivalenti għal Partit Nażista ta’ żmien Hitler. Biex wieħed ikun korret, irridu ngħidu li ż-żminijiet huma differenti. Wieħed ma jistax jgħid li l-AfD hija ekwivalenti għall-Partit Nażista ta’ żmien Hitler u dan għas-sempliċi raġuni li huma partiti differenti u jeżistu f’kuntesti storiċi differenti. Minkejja dan iżda jekk wieħed iqabbel l-ideat u l-politika isib li hemm paraguni u similaritajiet.
Spiss ikun hemm esponenti ta’ partit oħrajn li jirreferu għall-AfD hija ġeneralment deskritta bħala partit tal-lemin radikali jew tal-lemin estrem. Ma’ dan kien hemm membri u esponenti tal-AfD li għamlu dikjarazzjonijiet dwar l-istorja Nażista li kkawżaw kontroversja kbira. L-awtoritajiet Ġermaniżi qatt ma ddikjaraw li l-AfD kollha hija sempliċement “il-partit Nażista l-ġdid” iżda partijiet mill-partit ġew investigati jew kklassifikati bħala estremisti minħabba l-pożizzjonijiet tagħhom. Ovvjament dawn joqogħdu ukoll ħafna attenti biex jippreżentaw il-politika tagħhom b’mod differenti minn kif kienet tiġi preżentata snin twal ilu. Hu ċar ħafna iżda li l-AfD għandha elementi u ideat li ġew ikkritikati bħala estremisti u li f’ċerti każijiet tqabblu mal-lemin estrem storiku.
Ovvjament ir-raġunijiet li wasslu biex l-AfD ikabbar il-popolarità huma diversi. M’hemmx dubju li l-immigrazzjoni kienet waħda mir-raġuni imma jkun żball kbir li wieħed jaħseb li din kienet ir-raġuni ewlenija. Hi waħda minn raġunijiet li spiċċaw ingħaqdu flimkien. Filfatt kienu madwar 18 fil-mija tal-votanti tal-AfD li qalu li l-immigrazzjoni kienet ir-raġuni ewlenija tagħhom.
Jidher li waħda mir-raġunijiet l-aktar li wasslet nies jirrikorru għal AfD kienet is-sigurtà. 24 fil-mija ta’ dawk li vvutaw lil AfD indikaw is-sigurtà interna bħala raġuni ewlenija għall-vot tagħhom.
Bla dubju imma li l-aktar raġuni li wasslet lin-nies iduru lejn l-AfD kienu l-problemi ekonomiċi u kif in-nies qegħdin jaraw li l-kwalità tal-ħajja dejjem sejra lura. Fost il-poplu f’dan l-stat kien hemm tħassib dwar il-prezzijiet, il-kontijiet u l-livell tal-għajxien. Fost il-bażi tal-AfD, 89 fil-mija iddikjaraw li kienu mħassbin li l-prezzijiet jistgħu jogħlew tant li ma jkunux jistgħu jħallsu l-kontijiet.
Il-fiduċja fil-gvern preżenti ukoll kienet waħda mir-raġunijiet b’għadd kbir ta’ votanti ikunu frustrati bil-gvern federali u bil-partiti tradizzjonali. Jidher li wieħed mis-suċċess tal-AfD hu l-fatt li hi irnexxielha tattira ftit aktar minn 150,000 persuna li fl-elezzjoni preċedenti ma vvutawx.
L-elettorat f’dan l-istat jidher li kien imħasseb sew bil-bidla fl-istil ta’ ħajja, b’85 fil-mijata’ dawk li vvutaw AfD iddikjaraw li kienu mħassbin li “l-mod kif ngħixu fil-Ġermanja qed jinbidel wisq”.
Għalhekk wieħed jista’ jgħid li ma jkunx korrett li jingħad li l-elettorat ivvota lil AfD minħabba l-immigrazzjoni. Kien hemm taħlita ta’ problemi u issues ta’ tħassib fosthom dwar sigurtà, għoli tal-ħajja, ekonomija, immigrazzjoni u nuqqas ta’ fiduċja fil-partiti tradizzjonali. Analiżi tal-votanti sabet li l-immigrazzjoni, minkejja li hija marka ewlenija tal-AfD, ma kinitx l-unika jew neċessarjament l-aktar kwistjoni li ddeterminat il-vot.
Bidlu il-kliem fir-retorika….imma
xorta jfisser l-istess
Jekk wieħed janalizza l-kliem u l-espressjonijiet użati fl-aħħar xhur mill-AfD, isib li dawn llum qegħdin jużaw kliem differenti, li forsi jinstemgħu ġodda u allura ma joħolqux il-kontroversji marbutin mal-lemin estrem. Prattikament imma jekk wieħed janalizza fil-fond x’qegħdin jgħidu, issib li r-riżultat hu l-istess għal kontroversji marbutin mal-lemin estrem.
Jekk tħares lejn id-diskors ta’ esponenti tal-AfD issib li jużaw termini bħal “remigrazzjoni” u “protezzjoni tal-identità nazzjonali” minflok kliem aktar dirett dwar it-tkeċċija jew l-esklużjoni. Dan jagħmel il-messaġġ jidher aktar tekniku u inqas estrem, u għalhekk jista’ jikkontribwixxi għan-normalizzazzjoni tiegħu.
Hu ċar ħafna li l-bidla ta’ kif iwasslu l-messaġġ u l-kliem użat, l-AfD użat il-bidla fil-lingwaġġ biex ideat kontroversjali jidhru aktar aċċettabbli. Wieħed jista’ jara faċilment li flok jgħidu “keċċu lill-barranin”, jużaw termini aktar politiċi bħal “remigrazzjoni”. Flok jattakkaw grupp direttament, jużaw kliem bħal “protezzjoni tal-identità Ġermaniża”. Imbagħad hemm kwistjonijit kontroversjali li jiġu ppreżentati bħala “sigurtà”, “ordni” jew “kontroll tal-fruntieri”. Dawn jagħmlu lil AfD jidhru aktar moderati. Hi xi ħaġa kontinwa li jużaw kliem inqas kontroversjali jew li jinstema’ sabiħ u dan biex jaħbi jew inaqqas il-gravità ta’ dak li jkunu jridu jwasslu.
Jekk wieħed janalizza d-diskors tagħhom tara li ma jgħidux ‘għalaq il-fruntieri’ imma jitkellemu fuq ‘protezzjoni tal-fruntieri’. Prattikament hemm l-istess sens imma it-tieni frażi aktar pulita u teknika. Flok jgħidu ‘keċċu nies li mhumiex Ġermaniżi, huma jgħidu ‘nipproteġu l-identità Ġermaniża’. Allura hawnhekk qegħdin naraw li qegħdin ipoġġu l-enfasi fuq l-‘identità’ minflok l-esklużjoni.
L-AfD, u dawn li jimmilitaw fihom huma magħrufin kemm huma kontra l-multikulturaliżmu. Kemm huma kontra li fis-soċjetà jkun hemm rażeż differenti. Allura huma ma jagħmlux attakk fuq il-multikulturaliżmu iżda jitkellmu fuq ‘integrazzjoni aħjar’. Kliem aktar artab. Kliem li jidher pożittiv u kliem li jagħti l-impressjoni ta’ xi proposta prattika. Ir-realtà imma hi l-bogħod minn hekk.
Din hi l-logħba tal-lemin estrem. Logħba li llum qegħdin narawha tinfirex. Messaġġ aktar sottili. Kliem li jista’ jidher sabiħ, imma warajh hemm l-istess intenzjonijiet tal-prinċipji tal-lemin estrem.
Lil hinn mill-kliem sabiħ, hemm xejra sħiħa ta’ dikjarazzjonijiet qawwijin li saru fil-passat minn membri tal-AfD. Beatrix von Storch, fis-sena 2021 kienet iddikjarat li l-immigrazzjoni minn pajjiżi Musulmani kienet wasslet biex impurtat it-terroriżmu fil-Ġermanja u rabtet il-migrazzjoni ma’ attakki terroristiċi.
Minn naħa tiegħu, Bjorn Hocke, juża t-terminu ‘remigrazzjoni’ u argumenta li l-“immigrazzjoni soċjali” għandha tintemm u titreġġa’ lura. Huwa ppropona wkoll kampanja kbira ta’ ritorni għal immigranti li jinsabu illegalment fil-Ġermanja.
Minn naħa tagħha Alice Weidel, waħda mill-mexxejja tal-AfD llum, fil-politika tagħha dwar il-migrazzjoni tuża argumenti dwar immigranti li jidħlu fis-sistema soċjali mingħajr kwalifiki jew kontribuzzjoni. Waqt li tgħid dan hi tgħid li l-AfD ma timmirax lejn in-nies minħabba l-oriġini tagħhom iżda lejn dawk li ma jaħdmux, ma jħallsux taxxi jew ma jirrispettawx il-liġi.
Bla ebda dubju partit perikoluż
Minkejja l-mod kif jipproġetta ruħu u minkejja l-mod kif jipprova jwassal messaġġi sottili u li jidhru pożittivi, l-AfD hu partit perikoluż. Hu pożittiv li l-partiti tradizzjonali fil-Ġermanja mhux lesti li jagħmlu koalizzjoni miegħu.
Minkejja l-vot li rċieva, dan hu partit karatterizzat b’diskorsi ta’ mibegħda. Esponenti tiegħu għamlu kummenti ostili lejn immigranti, Musulmani u minoranzi. Id-diskors tagħhom, jekk tanalizzah, anke meta impoġġi b’mod sabiħ, hu diskors diviżiv. Il-partit spiss jippreżenta l-immigrazzjoni bħala theddida għall-identità u s-sigurtà tal-Ġermanja, u dan ma jagħmel xejn għajr jżid il-polarizzazzjoni u l-perċezzjonijiet fis-soċjetà. Apparti dan, hu partit li jipprova b’mod kontinwu jinnormalizza l-ideat estremi. Jipprovaw kemm kemm jippruvaw jaħbu, hemm konnessjonijiet mal-lemin estrem, tant li xi membri u esponenti tal-AfD ġew assoċjati ma’ movimenti jew ideat tal-lemin estrem.
Bħal ma kien jagħmel il-lemin estrem fil-passat huma spiss jattakkaw l-istituzzjonijiet u l-midja. L-attakk ikompli imbagħad fur il-partiti tradizzjonali u istituzzjonijiet oħra, u dan dejjem bl-intenzjoni li jnaqqas il-fiduċja fihom.
Bħal partiti tal-lemin estrem tal-passat jużaw il-biża’. Din hi l-arma li dawn il-partiti dejjem jużaw. Kwistjonijiet bħall-kriminalità, l-immigrazzjoni u s-sigurtà jiġu ppreżentati b’mod li jista’ jqanqal biża’ jew rabja fost il-pubbliku. Ma’ dawn ma tonqosx ir-retorika kontra il-minoranzi. Retorika li twassal biex immigranti jew gruppi minoritarji jħossuhom mhux milqugħa jew mhedda. Dan hu partit li bil-messaġġ tiegħu iżid il-biża’, il-polarizazzjoni u l-mibegħda fis-soċjetà Ġermaniża.

