Studji internazzjonali juru li tfal li jbatu bl-awtiżmu huma ferm u ferm aktar vulnerabbli minn tfal oħra li jistgħu jegħrqu jekk jaqgħu jew jinżlu fl-ilma wara li għal xi raġuni jiskappaw minn taħt il-ħarsien ta’ ħaddieħor. Sfortunatament kellna esperjenzi bħal dawn, esperjenzi li wrew li jkun ferm ta’ siwi jekk naħsbu kif nistgħu possibilment nilqgħu għal diżgrazzji bħal dawn.
Ftit tal-jiem ilu ġiet fi tmiemha b’suċċess l-ewwel edizzjoni tal-programm ‘Water Safety for Autistic Kids and Parental Skills Programme’. Kif jindika t-titlu ta’ dan il-programm dan kien immirat kemm għat-tfal awtistiċi nfushom kif ukoll għall-ġenituri li ċertament iridu jkunu jafu kif jaġixxu f’tali eventwalità.
Dan il-programm kompla jibni fuq l-esperjenza miksuba minn programm ieħor, ‘Just Keep Swimming’. Programm li kien immirat lejn tfal awtistiċi li l-età tagħhom tvarja minn tlieta sa ħames snin u għall-ġenituri tagħhom. Programm ta’ għaxar sessjonijiet imfassla skont il-ħtiġijiet tat-tfal parteċipanti, li kienu jammontaw għal 20 tifel u tifla. Kien imperattiv li jkunu involuti wkoll il-ġenituri. Il-parteċipazzjoni diretta tagħhom kienet element ċentrali sabiex il-ħiliet miksuba jkunu jistgħu jissaħħu fid-dar.
Programm iffukat fuq il-ħiliet essenzjali marbuta mas-sigurtà fl-ilma. Sar dan permezz ta’ metodi adattati għal ħtiġijiet sensorjali, ta’ komunikazzjoni u ta’ tagħlim ta’ kull tifel u tifla parteċipanti. Programm li huwa konformi ma’ Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika pubblika u tippromwovi soċjetà aktar inklussiva. Aktar ġusta. Aktar b’saħħitha.
Permezz ta’ dan il-programm rajna riżultat konkret ta’ investiment immirat fit-tfal u fil-familji tagħhom. Għinna finanzjarjament biex għamilna dan it-taħriġ speċjalizzat aċċessibbli mingħajr ħlas. Ma ridnix li l-ispiża tkun ta’ ostaklu għall-parteċipazzjoni. Is-sigurtà fl-ilma hija ħila importanti għal kull tifel u tifla. Programm imsejjes fuq l-esperjenza li permezz ta’ intervent bikri u taħriġ adattat it-tfal konċernati jkunu mgħejjuna jsaħħu l-kunfidenza, l-awtonomija u l-ħiliet tagħhom filwaqt li l-ġenituri jingħataw għodod prattiċi li jistgħu jibqgħu jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum.
It-terminu INKLUŻJONI ma jfissirx biss li noħolqu servizzi. Tajjeb u tajjeb ħafna li noħolqu, kif ħloqna, servizzi imma huwa ferm u ferm aktar tajjeb li nassiguraw li dawn is-servizzi jkunu aċċessibbli. Imfasslin skont il-ħtiġijiet tal-persuna. Li jwasslu għal titjib reali fil-kwalità tal-ħajja. Is-suċċess miksub f’dan l-ewwel programm jirrifletti preċiżament dan.
Suċċess li jimliena b’kuraġġ biex inkomplu ninvestu f’inizjattivi li jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tat-tfal b’tali kundizzjoni u tal-familji tagħhom. Kien proġett pilota. Issa bħala Gvern se naħdmu bil-għan li l-programm jitwessa’ fuq livell nazzjonali fl-iskejjel kollha bi twettiq ta’ wegħda elettorali oħra. B’riżultat t’hekk aktar tfal bl-awtiżmu jkunu jistgħu jibbenefikaw minn taħriġ adattat li jsaħħaħ is-sigurtà, l-awtonomija u l-benesseri tagħhom.
Waqt li qegħdin nagħmlu dan qegħdin ukoll, permezz ta’ dan il-proġett, inkomplu nersqu lejn miri oħra. Proġett li qed jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inugwaljanza soċjali. Għat-tisħiħ tas-sigurtà u tal-awtonomija tat-tfal b’diżabilità. Qed jikkontribwixxi wkoll għall-parteċipazzjoni attiva tal-ġenituri fil-proċess tal-iżvilupp tat-tfal tagħhom.
Kollox gwidat mill-prinċipju, li ħadd m’hu inqas minn ħaddieħor. Li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura jew iħoss li qed jiġrilu hekk. Il-ġenituri għandhom garanzija li kull spalla meħtieġa biex min ikun meħtieġ jitwieżen allura jitwieżen, tali spalla se jsibuha kif dejjem sabuha.

