BirdLife International nediet ir-rapport State of the World’s Birds waqt il-Global Flyways Summit, organizzat flimkien ma’ Nature Kenya. Ippubblikat kull erba’ snin, din hija l-ewwel edizzjoni ddedikata lill-għasafar tal-passa u rrotot li jiddependu fuqhom. Is-summit ra wkoll lil stakeholders ewlenin, fosthom gvernijiet, xjenzati, NGOs, organizzazzjonijiet ta’ konservazzjoni u istituzzjonijiet finanzjarji, jiffirmaw in-Nairobi Flyways Declaration, u jimpenjaw ruħhom li jżidu l-isforzi u l-kooperazzjoni biex jipproteġu l-għasafar tal-passa u l-ħabitats tagħhom lil hinn mill-fruntieri.
Dan seħħ fl-istess waqt li l-banek għall-iżvilupp immobilizzaw aktar minn $6 biljun f’finanzjament għall-konservazzjoni mill-2021. Flimkien, dawn il-passi jirrappreżentaw bidla sinjifikanti fir-rispons
globali kkoordinat għall-konservazzjoni tal-flyways.
State of the World’s Birds: x’ħareġ
Minn dan ir-rappor ħareġ ċar li 45% tal-ispeċi ta’ għasafar tal-passa qed jonqsu. Wieħed minn kull disa’ speċi jinsab mhedded bl-estinzjoni. L-estinzjoni tal-Gurlin Żgħir fl-2025, li laħħar darba li ġie rreġistrat kien f’laguna fil-Marokk fi Frar tal-1995, tirrappreżenta l-ewwel estinzjoni globali ta’ għasfur fl-Ewropa u fl-Asja kontinentali u fl-Afrika f’dawn l-aħħar sekli.
Sitt speċi tal-passa oħra huma kkonfermati jew suspettati li għebu fl-aħħar 150 sena. L-ispeċ li jiddependu fuq il-ħabitats tal-baħar, il-foresti u l-artijiet mistagħdra kostali qed isibu ruħhom f’sitwazzjoni partikolarment ħażina; it-tajr tal-baħar u l-għasafar tal-plajja huma fost l-aktar mhedda.
Madankollu, ir-rapport jiddokumenta wkoll it-tama. Dan it-tnaqqis huwa riżultat ta’ fatturi kkawżati mill-bniedem: speċi invażivi, intensifikazzjoni fl-agrikoltura, it-tibdil fil-klima u lkaċċa mhux sostenibbli. Meta l-prattiċi agrikoli, tas-sajd u tal-użu tal-art jiġu indirizzati tul rotta tal-passa sħiħa, minflok f’siti individwali biss, il-popolazzjonijiet tal-għasafar jirrispondu. Pereżempju, azzjoni kkoordinata f’diversi pajjiżi għall-Avultun Abjad waqqfet ittnaqqis fil-popolazzjoni li tbejjet fil-Balkani.

