Il-Prim Ministru jżur investiment ta’ €47 miljun fl-Università ta’ Malta

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-proġett The Sustainable Living Complex, fl-Università ta’ Malta. Dan il-proġett qed isir b’investiment totali ta’ €47 miljun, b’kofinanzjament Ewropew.

Il-proġett ikopri total ta’ 27,000 metru kwadru ta’ art u huwa ċentru ta’ riċerka maġġuri u akkademika ddiżinjat bħala post fejn isir ittestjar għal teknoloġiji sostenibbli u effiċjenti.

Il-kumpless, jinkorpora fih erba’ binjiet prinċipali li fihom se jkunu qed jilqgħu żewġ fakultajiet: il-Fakultà tal-Ambjent Mibni u l-Fakultà tal-Edukazzjoni, flimkien mal-istituti u ċentri marbuta magħhom.

Il-Professur Alex Torpiano, bħala l-persuna responsabbli mit-tmexxija ta’ dan il-proġett, spjega li f’dawn il-binjiet se jkun hemm ukoll spazju biex isiru lectures u laboratorji, filwaqt li taħt l-art se jkun hemm aktar laboratorji u faċilitajiet state-of-the-art bħal flight simulator, tagħmir ta’ simulazzjoni seżmika kif ukoll wave tank.

Il-Prim Ministru Abela faħħar il-proġett u l-kunċett warajh. “Dan il-proġett imur lil hinn mill-effiċjenza fl-enerġija imma qed jiffoka wkoll fuq l-użu effiċjenti tal-ilma, l-iskart u riżorsi oħrajn. Nistgħu nsejħu dan il-proġett laboratorju ħaj,” qal Dr Abela. Huwa nnota wkoll b’sodisfazzjon kif il-bini f’dan il-kumpless se jkollu sistemi ta’ monitoraġġ li jikkalkulaw il-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-konsum, il-kwalità tal-arja, l-użu tal-ilma u r-riċiklaġġ.

“Il-Gvern ma jistax għalhekk ma jfaħħarx u ma jappoġġjax dan il-proġett fl-Università ta’ Malta li huwa mera perfetta ta’ xi tfisser sostenibbiltà. Aktar minn hekk, ma nistax ma nesprimix sodisfazzjon ukoll li ladarba dan il-kampus jieħu l-ħajja se jkun qed isir ittestjar ta’ diversi teknoloġiji li huma importanti għal-lum u speċjalment għall-futur, quddiem sfidi globali bħall-bidla fil-klima,” qal Dr Abela.

Fil-fatt f’dan il-kumpless se jkun għaddej ittestjar ta’ sistemi bħal dawk fotovoltajċi u pannelli solari, heat pumps kif ukoll ttestjar għall-ġbir ta’ grey water, jiġifieri ilma li jkun ġej minn residenzi permezz ta’ showers, sinkijiet u l-magni tal-ħasil.

Il-Prim Ministru temm ifaħħar dan il-proġett li se jagħmel differenza kruċjali fuq żewġ binarji. “L-ewwel nett se joħloq esperjenza ta’ tagħlim ta’ kwalità u t-tieni nett se jkun qed jgħin lill-pajjiż ikompli jsib u jinvesti f’soluzzjonijiet aktar effiċjenti li jadattaw għar-realtajiet globali u nazzjonali, kif ukoll jaċċertaw kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.”

Għal din iż-żjara l-Prim Ministru kien akkumpanjat, fost oħrajn, mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, ir-Rettur tal-Università l-Professur Frank Bezzina kif ukoll il-Prorettur u Professur Vincent Cassar.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport