Il-Belt Valletta kompliet issaħħaħ il-preżenza tagħha fix-xena internazzjonali waqt il-World Conference on Tourism Cooperation and Development 2026 f’Beijing, organizzata mill-World Tourism Cities Federation, WTCF, taħt it-tema “Smart Tourism, Shared Prosperity.”
Din is-sena, il-Belt Valletta kellha wkoll l-istand tagħha fiċ-Ċina, li żaruh eluf ta’ viżitaturi Ċiniżi u minn pajjiżi oħra. Bl-għajnuna tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, tajna tagħrif dwar il-Belt Valletta u Malta, qassamna materjal promozzjonali u ppreżentajna l-wirt, il-kultura, it-tradizzjonijiet u l-esperjenzi li jagħmlu lil pajjiżna destinazzjoni tant attraenti għat-turisti.

Bħala Sindku tal-Belt Valletta, kelli l-opportunità nindirizza din il-konferenza, lill aktar minn 500 delegat, esperti fit-turiżmu u rappreżentanti internazzjonali, fejn tkellimt dwar sfida li llum qed tiffaċċja kull belt turistika: kif nistgħu nkomplu nikbru ekonomikament mingħajr ma nitilfu l-identità tagħna u, fuq kollox, mingħajr ma nnaqqsu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Il-Belt Valletta hija Belt Kapitali unika. Il-belt kollha hija Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO, b’aktar minn erba’ sekli ta’ storja, kultura u identità. Iżda l-Belt mhijiex mużew biss. Hija komunità ħajja. Hija d-dar ta’ residenti beltin, familji, anzjani, tfal, ħaddiema u negozji.
It-turiżmu huwa essenzjali għall-ekonomija tagħna, iżda s-suċċess ma jistax jibqa’ jitkejjel biss bin-numru ta’ viżitaturi. Irridu nkejluh ukoll skont kemm qed joħloq valur għall-komunità, kemm qed jipproteġi l-wirt tagħna u kemm qed jgħin lir-residenti jgħixu aħjar.

F’dan il-kuntest ressaqt quddiem il-WTCF proposta għall-ħolqien ta’ Digital Heritage Cities Exchange, pjattaforma diġitali komuni fejn bliet storiċi u bliet tal-UNESCO jkunu jistgħu jaqsmu data anonimizzata, esperjenzi u soluzzjonijiet dwar l-attivita turistika, il-mobilità, l-aċċessibbiltà, il-pressjoni fuq l-ambjent u l-esperjenza tar-residenti.
“Il-Belt kapitali tagħna, żgħira fid-daqs fejn bliet oħrajn, iżda b`qalb kbira u storja straordinarja. Bħala Sindku, kburi li dejjem nwassal il-vuċi tal-Beltin u nitkellem dwar Malta kull fejn immur.” — Olaf McKay, Sindku tal-Belt Valletta
B`sodisfazzjon, din il-proposta ġiet milqugħa tajjeb ħafna mill-WTCF biex tkompli tiġi żviluppata. Din l-inizjattiva qajmet interess kbir fost il-ġurnalisti, li wasslu l-messaġġ permezz tal-mezzi tax-xandir u l-gazzetti madwar in-network tal-WTCF, li jiġbor fih 269 membru minn pajjiżi differenti. Dan huwa pass importanti mhux biss għall-Belt Valletta, iżda wkoll għal Malta, għaliex qed ipoġġina fuq quddiem f’diskussjoni internazzjonali dwar kif it-teknoloġija tista’ tintuża b’mod responsabbli biex tipproteġi l-wirt u ttejjeb il-kwalita tat-turiżmu.

“Il-fatt li l-WTCF laqgħet il-proposta tagħna għal din il-pjattaforma, huwa rikonoxximent importanti għall-Belt Valletta. Irridu nużaw it-teknoloġija u d-data mhux sempliċement biex nattiraw aktar viżitaturi, iżda biex nipproteġu l-komunitajiet tagħna, il-wirt tagħna u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Il-Belt tista’ tkun mudell ta’ kif belt storika tibqa’ awtentika, ħajja u kompetittiva fl-istess waqt.” — Olaf McKay, Sindku tal-Belt Valletta
Bliet differenti m’għandhomx għalfejn jerġgħu jivvintaw ir-rota u l-istess soluzzjonijiet waħedhom. Nistgħu naqsmu flimkien dak li jaħdem tassew, nitgħallmu minn xulxin u niżviluppaw mudelli li jistgħu jiġu adattati għal realtajiet differenti.
Dan huwa l-mudell li rridu nkomplu nibnu flimkien, belt moderna iżda li tħares l-identità tagħha; Belt miftuħa għad-dinja iżda li tibqa’ d-dar tal-Beltin; u turiżmu li joħloq prosperità li tassew tinqasam ma’ kulħadd. – Olaf McKay, Sindku tal-Belt Valletta
Il-Belt Valletta hija lesta li tieħu sehem attiv f’dan il-proċess u li taħdem id f’id ma’ kulħadd.

