F’ħames snin, il-wasliet ta’ immigranti irregolari bil-baħar naqsu b’93%, meta wieħed iqabbel is-sena 2024 mas-sena 2019.
Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri meta kien qiegħed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputata Laburista Davina Sammut Hili.
Fil-Parlament, il-Ministru Camilleri qal li “l-Gvern ma kienx kuntent bl-istatus quo fuq l-immigrazzjoni rregolari. Għalhekk ittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet, inkluż bidliet leġiżlattivi, sabiex is-sistema tal-immigrazzjoni rregolari tkun waħda aktar soda u ġusta, kemm lokalment u kif ukoll fuq livell internazzjonali.Ħdimna mill-qrib ma’ pajjiżi oħra, pajjiżi ta’ oriġinu u kif ukoll pajjiżi ta’ tranżitu, sabiex naqqasna l-wasliet irregolari u jintilfu anqas ħajjiet fuq il-baħar.”
Stqarr li sar tibdil biex il-pajjiż ikollu sistema ġusta ma’ min ħaqqu protezzjoni iżda iebsa ma’ min ma jkollux dritt joqgħod ġewwa pajjiżna.
“Dan kien possibbli permezz ta’ bidliet leġiżlattivi, investiment fil-proċess tal-ażil, partikolarment bil-ħolqien tal-International Protection Agency u t-tnaqqis fl-ammont ta’ applikazzjonijiet pendenti,” kompla jgħid il-Ministru.
Irrefera wkoll għat-twaqqif tar-Returns Unit fi ħdan il-Ministeru sabiex jiffoka fuq ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġinu ta’ dawk il-persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’pajjiżna.
Fl-istess waqt sar xogħol estensiv fiċ-ċentri tal-immigranti, kemm dawk magħluqa u kemm dawk miftuħa, mingħajr ma poġġejna piż fuq il-komunitajiet tal-madwar kif kien ġara fi żminijiet imgħoddija.
“Matul is-sena 2024 il-wasliet irregolari bil-baħar kienu ta’ 238 persuna u fl-istess perjodu ġew irritornati 162 persuna lejn il-pajjiż tal-oriġinu għaliex ma kienux jikwalifikaw għall-ażil, filwaqt li fis-sena 2025 il-wasliet irregolari bil-baħar jammontaw għal 28 persuna u fl-istess perjodu ġew irritornati 45 persuna lejn il-pajjiż tal-oriġinu għaliex ma kienux jikwalifikaw għall-ażil,” tenna jgħid il-Ministru Camilleri.