Saturday, October 26, 2024

“Fhimna li l-iskema Sensability m’għandhiex tibqa’ limitata biss għal persuni li għandhom l-awtiżmu”

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, iħabbar twessigħ fl-iskema “Sensability”

Aqra wkoll

L-iskema Sensability se tkun qed titwessa’ u ssir aktar miftuħa u aċċessibbli u permezz ta’ dan se jgawdu minnha wkoll persuni b’ADHD, down sydrome u cerebral palsy.

Din l-iskema, amministrata mill-Awtorità tad-Djar, tgħin finanzjarmanet lil familji li għandhom xi membru b’diżabilità u bi sfidi sensorjali sabiex jinvestu f’apparat sensjorjali.

Emendi oħra li se jsiru f’din l-iskema jinkludu l-fatt li mhix se tibqa’ tagħmel limitu fuq l-assi li jrid ikollha familja, li preżentament kien ta’ madwar €150,000.

Se jitneħħa wkoll il-limitu tad-dħul ta’ €50,000 li familja ma setgħetx taqbeż sabiex tikkwalifika għal din l-iskema.

“Fhimna li l-iskema Sensability li introduċejna fl-2020, m’għandhiex tibqa’ limitata biss għal persuni li għandhom l-awtiżmu. Għal dan il-għan qed inwessgħu l-iskema eżistenti għal diżabilitajiet oħra ta’ żvilupp”, qal il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru Roderick Galdes qal ukoll li se tkun qed titneħħa r-rekwiżita li benefiċjarju ta’ din l-iskema irid jirreġistra ipoteka fuq id-dar fejn hemm it-tagħmir sensorjali u b’hekk, familja li tkun xtrat dan it-tagħmir, issa se tkun tista’ ġġorru f’liema dar tmur.

Wara konsultazzjoni wiesa’ li saret ma’ diversi partijiet ikkonċernati, ġie deċiż ukoll li l-Awtorità tad-Djar se tgħin familji li ma jkunux jistgħu joħorġu depożitu biex dan it-tagħmir ikun jista’ jiġi ordnat billi tipprovdi depożitu ta’ €25,000 tal-valur tat-tagħmir sensorjali.

Dawn l-emendi kollha se jwasslu biex din l-iskema mhux biss tkun aktar aċċessibbli imma sabiex din l-għajnuna tasal għand faxxa akbar ta’ nies u jintlaħqu aktar bżonnijiet reali tas-soċjetà tagħna.

Ritratt: Kevin Abela

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li t-twessigħ ta’ din l-iskema u t-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra fl-ewwel mitt jum ta’ gvern ġdid hija prova ta’ kemm il-persuni b’diżabilità u qrabathom huma prijorità għall-gvern.

Il-Ministru Farrugia Portelli enfasizzat li l-evolviment ta’ din l-iskema se jkun qed jaċċerta li persuni li jkunu qed jieħdu terapija sensorjali għand professjonisti ikollhom iċ-ċans li din it-terapija jkompluha d-dar, bil-benefiċċji kollha li ġġib magħha l-kontinwità.

Il-Ministru żiedet tgħid li permezz tat-tibdil fl-iskema, aktar familji li għandhom persuni b’diżabilità jistgħu jixtru apparat sensorjali biex jgħixu ħajja aħjar u aktar komda. “Din hija l-missjoni tagħna, li lkoll flimkien ngħixu f’Malta aktar inklużiva”, temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Sport