Friday, November 15, 2024

Fi Franza: ħwienet li jħallu l-bieb miftuħ waqt li jużaw l-arja kundizzjonata se jiġu mmultati €750

Aqra wkoll

Il-ħwienet kollha ġewwa Franza se jkunu ordnati biex xħin ikollhom  is-sistema tal-arja kundizzjonata mixgħula jżommu l-bieb ta’ barra magħluq. Dan se jkun qiegħed isir biex tiġi mnaqqsa l-ħela tal-enerġija. Apparti hekk, huma se jkunu ordnati wkoll biex inaqqsu l-ammont ta’ dwal fil-vetrini. 

Ħabbret dan il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika Agnes Pannier-Runacher, u dan fid-dawl taż-żieda tremenda fil-prezz tal-enerġija kawża tal-invażjoni Russja ġewwa l-Ukrajna. Il-Ministru qalet li l-ħwienet se jkunu qed jiġu mmultati s-somma ta’ €750 jekk ma jobdux din ir-regola. 

Meta kienet qiegħda tiġi intervistata fuq l-istazzjon tar-radju RMC, Pannier-Runacher qal li huwa “assurd” li tħalli l-bieb miftuħ meta tkun qed tuża l-arja kundizzjonata. Hija qalet li fil-jiem li ġejjin se tkun qiegħda tintroduċi żewġ digrieti fuq il-ħela tal-enerġija: waħda hija tal-arja kundizzjonata u l-oħra hija tar-reklamar imdawwal fil-vetrini fejn dan tal-aħħar mhux se jkun permessibbli fis-sigħat bejn 1.00 a.m. u s-6.00 a.m. Ta’ min jgħid li l-projbizzjoni fuq reklamar imdawwal hija diġà pprojbita fi bliet li għandhom popolazzjoni ta’ inqas minn 800,000 persuna iżda issa se tkun qiegħda tinfirex għall-bliet kollha. 

Intant, il-kumpanija ġganteska Shell wissiet li teżisti l-possibbiltà li fl-Unjoni Ewropea jkollu jsir razz­jonar tal-enerġija, u dan minħabba skarsezza kawża tal-kunflitt fl-Ukrajna. Dan kollu qiegħed jikkomplika ruħu minħabba s-sħana tremenda li qiegħda taħkem lill-Ewropa li qiegħda twassal għal domanda dejjem ikbar minħabba l-użu ta’ sistemi ta’ arja kundizzjonata.   

Ekonomija

Sport