Tuesday, April 30, 2024

Ir-Russja takkuża lil 92 Ukren b’delitti kontra l-umanità

Aqra wkoll

Kumitat investigattiv Russu akkuża lil 92 membru tal-forzi armi tal-Ukrajna b’delitti kontra l-umanità. Alexander Bastrykin – li huwa l-kap ta’ dan il-kumitat investigattiv – qal mas-sit Rossiiskaya Gazeta li fil-preżent qed jiġu investigati xejn inqas minn 1,300 każ kriminali allegatament mwettqa mill-forzi Ukreni. Huwa ppropona wkoll li jkun hemm it-twaqqif ta’ tribunal internazzjonali b’appoġġ ta’ pajjiżi bħall-Iran, is-Sirja u l-Bolivja – li huma alleati kbar tar-Russja. 

Bastrykin qal li apparti dawk it-92 li diġà nstabu ħatja, ir-Russja qiegħda tfittex 96 persuna oħra – fosthom 51 suldat – li allegatament wettqu delitti kontra l-umanità. Skontu, dawn l-Ukreni wettqu, “delitti kontra l-paċi u l-sigurtà tal-umanità”.

Min-naħa l-oħra, l-Ukrajna qiegħda wkoll twettaq investigazzjonijiet ta’ delitti kontra l-umanità din id-darba allegatament inwettqa minn suldati Russi. Iktar kmieni dan ix-xahar l-Ukrajna qalet li qiegħda teżamina iktar minn 21,000 każ ta’ delitti tal-gwerra u aggressjoni allegatament imwettqa mill-forzi Russi minn Frar ’il hawn. F’Mejju li għadda, qorti Ukrena kienet tat sentenza ta’ għomor il-ħabs lil kmandant tat-tankijiet militari Russu wara l-qtil ta’ persuna ċivili. 

Min-naħa tagħha, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) iddeskriviet lill-Ukrajna bħala “xena ta’ delitt” u għalhekk bagħtet tim ta’ investigaturi u esperti forensiċi biex jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-Kremlin dejjem ċaħad id-delitti tal-gwerra li qiegħed jiġi akkużat bihom kif ukoll il-qtil ta’ persuni ċivili. Ir-Russja dejjem saħqet li l-Ukrajna qiegħda twettaq bumbardamenti fuq l-infrastruttra tagħha stess u sussegwentament qatlet nies ċivili – akkużi li l-komunità internazzjonali qiegħda ssibha diffiċli biex temmen. 

Meta Bastrykin kien mistoqsi dwar jekk hemmx ċans li l-akkużi li qiegħda tagħmel ir-Russja jitressqux quddiem qrati tan-Nazzjonijiet Uniti huwa qal li għandu dubji kbar, u anke akkuża lill-Punent li qiegħda jappoġġja “n-nazzjonaliżmu Ukren”. 

Għalhekk Bastrykin qal li t-tribunal għandu jkun magħmul minn pajjiżi li għadhom “pożizzjoni newtrali dwar is-sitwazzjoni tal-Ukrajna” – partikolarment is-Sirja, l-Iran u l-Bolivja. 

Sport