Wednesday, July 24, 2024

Fi Franza: Il-coach ta’ Lyon ferut wara li x-xarabank ġie attakkata minn partitarji ta’ Marseille

Aqra wkoll

Lyon wissew li tista’ sseħħ “traġedja saħansitra iktar serja” jekk ma tittieħedx azzjoni wara li l-manager Fabio Grosso “weġġa’ serjament” f’attakk fuq ix-xarabank tat-team f’Marseille.

Il-partita tal-Ligue 1 ġiet posposta wara li x-xarabank ta’ Lyon ġiet attakkata b’ġebel u fliexken fi triqitha lejn Stade Velodrome nhar il-Ħadd li għadda. 

Il-club ta’ Lyon sostna li Grosso u l-assistent tiegħu, Raffaele Longo, intlaqtu minn oġġetti bil-konsegwenza li ġarrbu ġrieħi f’wiċċhom.

Min-naħa tiegħu, il-club ta’ Marseille “iddeplora dawn l-inċidenti inaċċettabbli”.

Sitt xarabanks tal-partitarji viżitaturi kienu wkoll fil-mira qabel il-logħba. 

Fi stqarrija, il-club ta’ Lyon qal li “jiddispjaċih li din it-tip ta’ sitwazzjoni sseħħ kull sena f’Marsilja”, u żiedet li l-club “jistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu jagħmlu investigazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni serja   ta’ dan it-tip ta’ inċident qabel ma sseħħ traġedja saħansitra aktar serja”.

Skond il-club, diversi individwi “attakkaw b’mod vjolenti” ix-xarabank tat-team u t-twieqi ġew imfarrka minn oġġetti iebsin.

Ritratti fuq il-media soċjali wrew lil Grosso bid-demm mimdud fuq stretcher. Lyon qalu li l-coach u l-assistent tiegħu ntlaqtu direttament u weġġgħu serjament f’wiċċhom waqt l-attakk.

Għall-bidu, Lyon riedu jkomplu u jilagħbu l-partita, iżda l-opinjonijiet inbidlu wara aħbarijiet dwar l-injuries ta’ Grosso u Longo – filwaqt li l-istat mentali tal-players ġie kkunsidrat ukoll.

“Il-coach, Grosso, ma setax iżomm konversazzjoni u kellu frak tal-ħġieġ f’wiċċu,” qal il-president ta’ Lyon, John Textor.

“Ninsab rrabjat ħafna – il-players tagħna, il-coch tagħna, ippreparaw għal-lejla u l-partitarji riedu jaraw il-logħba tintlagħab.”

Textor żied jgħid: “Ladarba t-tieqa nkissret,  Grosso ġie milqut eżatt fuq għajnu. Kien hemm fliexken tal-birra, li laqtuh fuq moħħu wkoll.”

Ekonomija

Sport