Fi Franza, l-inkwiet qed ikompli jinfirex u jiżdied minn ġurnata għall-oħra. Dan hekk kif qegħdin isiru protesti f’Pariġi u fi bliet madwar il-pajjiż b’rabta mal-qtil ta’ żagħżugħ ta’ 17 -il sena li nqatel mill-pulizija nhar it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra.
Dwar dan, tkellmet mal-midja internazzjonali Franċiża n-nanna tal-vittma, fejn appellat sabiex jintemmu kemm jista’ jkun malajr dawn l-irvellijiet li qegħdin isiru. Hija esprimiet ix-xewqa li dan kollu jieqaf ħalli ma jsirux iktar ħsara fil-bini tal-iskejjel u fil-karozzi tal-linja.
Hija fakkret li omm iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena kienet ukoll organizzat marċ solenni b’tifkira għal binha. F’dan ir-rigward, in-nanna qalet li ma hija ma attendietx għal dan minħabba l-fatt li ma riditx titaq mill-post fejn Nahel tilef ħajtu traġikament.
B’reazzjoni għal dan kollu, il-President tal-pajjiż, Emmanuel Macron ħassar iż-żjara tiegħu lejn il-Ġermanja, li kienet se tkun l-ewwel żjara statali fil-pajjiż minn President Franċiż fi 23 sena.