Il-federazzjonijiet agrikoli Franċiżi qalu li għandhom bżonn biljuni ta’ ewro biex jikkumpensaw għat-telf “kolossali” li sofrew u qed isofru kawża tan-nixfa.
Fi stqarrija konġunta li ħarġu gruppi li jrabbu l-bhejjem huma appellaw lill-gvern Franċiż li għandhom bżonn bejn żewġ u erba’ biljun ewro biex jirkupraw mit-temp estrem li ħakem lill-pajjiż. In-nixfa u l-mewġiet kbar ta’ sħana ġewwa Franza wasslu biex ħafna mill-ħxejjex li jitkabbru biex jitimgħu lill-annimali nixfu u b’hekk m’hemmx biżżejjed provvista ta’ ikel.
Il-federazzjoni qalet li ħafna kienu dawk li kellhom jitimgħu lill-annimali b’ikel li kien maħżun għax-xitwa, u b’hekk dan qiegħed inissel tħassib dwar x’se tkun is-sitwazzjoni fix-xhur li ġejjin.
Esperti jemmnu bis-sħiħ li t-tibdil fil-klima qiegħed iwassal biex partijiet mid-dinja jintlaqtu minn temp estrem li jtul iktar mis-soltu u jkun b’ħafna iktar intensità.