Sunday, May 19, 2024

Fi tliet snin ibbenifikaw 3,888 familja minn skemi tal-enerġija tal-Gvern

Aqra wkoll

Mill-2021 ’l hawn, total ta’ 3,888 familja bbenefikaw minn erba’ skemi governattivi li jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni lejn enerġija aktar effiċjenti. B’kollox, dawn irċevew madwar €10.5 miljun f’sapport finanzjarju għal sistemi ta’ enerġija rinnovabbli, solar water heaters u teknoloġiji oħra ambjentali.

Dan is-sapport finanzjarju ngħata permezz ta’ erba’ skemi amministrati mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS). Dawn jinkludu l-iskemi ta’ Solar Water Heaters, Heat Pump Water Heater u l-iskema Roof Insulation and Double Glazing, li reġgħu nfetħu għas-sena 2024. Ma’ dawn l-iskemi hemm ukoll dik ta’ Renewable Energy Sources Scheme għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi u sistemi għall-ħażna tal-batteriji, li se terġa’ tinfetaħ fix-xhur li ġejjin.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, l-Inġ. Marjohn Abela, u ċ-Chief Policy Officer tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, l-Inġ. Charles Buttigieg, ħabbru dawn il-figuri pożittivi waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni flimkien ma’ stakeholders differenti nhar il-Ħamis.

Il-Ministru enfasizzat id-determinazzjoni ta’ dan il-gvern lejn l-użu sostenibbli tal-enerġija, it-tranżizzjoni lejn enerġija aktar nadifa u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Dan jimxi id f’id mal-impenn ta’ Malta bħala parti mill-ftehim li ntlaħaq fil-COP28 f’Diċembru li għadda, fejn diversi pajjiżi ġew mitluba jużaw inqas fjuwils fossili biex sal-2050 jilħqu l-mira tad-dekarbonizzazzjoni.

L-istess għan jifforma parti mill-European Green Deal. “Ta’ min jinnota li l-mira intermedja għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra hija tal-inqas 19% sal-2030, meta mqabbla mal-1990. Jekk, bħala pajjiż, inkomplu naħdmu flimkien, nistgħu nilħqu dan l-għan billi nħarsu lejn dawk is-setturi li jistgħu jikkontribwixxu l-aktar, u nindirizzawhom billi nħeġġu lill-familji jmorru għal għotjiet u għal skemi f’dawn is-setturi,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru rringrazzjat lill-familji f’Malta u f’Għawdex tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom f’din it-tranżizzjoni ambjentali billi jinvestu f’enerġija rinnovabbli u biex ikunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija fid-djar.

Il-Gvern se jkun qed jalloka €1 miljun għal tliet skemi maħruġa fl-2024, li reġgħu infetħu dan ix-xahar, inklużi l-assistenza finanzjarja għall-installazzjoni ta’ heat pump water heaters (HPWH), solar water heaters (SWH) u roof insulation and double glazing (RIDG).

Aktar tard din is-sena, REWS se tkun qed tniedi wkoll skema multimiljunarja biex tappoġġja lill-familji li jinvestu fl-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltajċi (PV) konnessi mal-grid u sistemi ta’ ħażna ta’ batteriji domestiċi.

L-Inġ. Marjohn Abela tkellem dwar kif dawn l-iskemi qed jissaportjaw lill-familji biex ikunu aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. “Fil-fatt, il-Gvern alloka €26 miljun għal dawn l-iskemi u bbenefikaw 3,888 familja b’investiment ta’ aktar minn €10 miljun fl-aħħar tliet snin.”

Permezz ta’ inizjattiva separata, l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma tgħin ukoll lill-familji jagħmlu darhom aktar effiċjenti fl-enerġija, billi tipprovdi konsultazzjonijiet b’xejn dwar l-enerġija u l-ilma. Aktar minn 3,900 dar ibbenefikaw minn dan is-servizz mindu tnieda diversi snin ilu. L-EWA tamministra wkoll skema oħra li tassisti lill-familji vulnerabbli jbiddlu l-apparat antik tagħhom b’soluzzjonijiet aktar effiċjenti fl-enerġija, u tgħinhom inaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom kif ukoll il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.

L-Inġ Charles Buttigieg qal, “Iż-żjarat b’xejn fid-djar huma inizjattiva li qed tkun popolari mal-pubbliku u qed tgħin biex ikompli jiżdied l-għarfien dwar użu aktar effiċjenti ta’ dawl u ilma fid-djar. Fil-fatt, saru aktar minn 700 żjara matul l-2023 biss, li hija figura li qed tkompli tiżdied sena wara l-oħra.”

Il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, il-Malta Developers’ Association (MDA), iċ-Chamber of Engineers, il-Malta Intelligent Energy Management Agency (MIEAA), u l-Malta Energy Efficiency and Renewable Energies Association (MEEREA) kienu preżenti għal din il-laqgħa.

Sport