L-aħbarijiet kollha mill-gwerra tal-Iran, tintemm kif tintemm, jindikaw prospett ta’ żieda ġenerali u qawwija fil-prezzijiet, apparti miż-żieda fil-prezz tal-enerġija. Anke possibilment, ta’ skarsezzi f’ċerti prodotti essenzjali (li filfatt, iġibu magħhom, aktar żidiet fil-prezzijiet)…
Il-paraguni ma’ kriżijiet simili fil-passat, li jsiru minn uhud, imorru fis-sens ta’ kriżi inflazzjonista aktar qawwija minn tas-snin 70 tas-seklu l-ieħor u minn tal-bidu ta’ das-seklu (biex ma nsemmux il-bidu tal-gwerra tal-Ukrajna). Dwar hekk għadu kmieni wisq li wieħed jiġġudika. Fil-fatt, hemm interessi ekonomiċi kbar li jaqblilhom jekk il-pessimiżmu jkompli jirranka.
Il-qagħda attwali qed taffettwa u se tibqa’ taffettwa il-fiduċja tal-imprendituri u tal-korporazzjonijiet kummerċjali. Minħabba f’hekk, joqgħodu lura milli jidħlu f’investimenti ġodda u jnaqqsu r-ritmu ta’ proġetti li jkunu diġà nbdew. Sadattant, fi klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja ekonomika u bl-istennija ta’ prezzijiet ogħla, jista’ jiġri li ċ-ċittadini u l-familji inaqqsu mill-konsum tagħhom – jixtru anqas. Dan ikompli jżid mal-profil ta’ dwejjaq ekonomiku li qiegħed jinxtered.
BAŻIJIET
Hemm min stagħġeb kif il-gwerra fl-Iran infirxet mal-pajjiżi tal-Golf Għarbi li, bħala stati, ma kinux involuti fil-ħbit fuq l-Iran minn Iżrael u l-Istati Uniti. Personalment nistagħġeb b’das-sens ta’ sorpriża dwar x’ġara. Possibbli ma kinitx ħaġa ċara li l-Iran se jagħmel hekk?
Il-mexxejja ta’ dak il-pajjiż inġabu b’daharhom mal-ħajt, b’numru sostanzjali minnhom maqtula. Ma kellhom “xejn” x’jitilfu għax fehmu li l-gwerra nbdiet biex jiġu meqruda. Ma kienx possibbli għalihom li jattakkaw lura lill-Istati Uniti fit-territorju tagħhom (bogħod wisq)… ħlief fejn dawn kellhom bażijiet militari fil-pajjiżi madwar l-Iran.
Hekk għamlu, skond l-argument ukoll li dawn il-pajjiżi, bil-qbil tagħhom ma’ bażi militari Amerikana fit-territorju tagħhom, fir-realtà kienu qed jagħtu appoġġ lill-ħidma militari tal-Istati Uniti u ta’ Iżrael. Mill-bidu nett, sakemm ir-reġim Iranjan ma jikkollassax mal-ewwel mewġa ta’ attakki, iċ-ċansijiet kienu kbar ħafna li l-gwerra se tinfirex.
MILL-AJRU
Min fi gwerra “moderna” jikkontrolla l-ajru, għandu l-aqwa mezz biex jimponi telf fuq l-għadu. Il-mezz hu wieħed barbaru, għax jinvolvi ajruplani jew missili li jintbagħtu jixħtu bombi fuq l-art tal-għadu… suppost billi jimmiraw istallazzjonijiet militari, imma fil-verità, biex iwaddbu bombi fejn jiġi jiġi, inklużi inħawi fejn jgħixu n-nies.
Aħna f’Malta kellna esperjenza bikrija ta’ dix-xorta ta’ attakk… fis-snin 40 tas-seklu l-ieħor, hekk kif inbdiet it-tattika ta’ ħbit mill-ajru. L-iżviluppi teknoloġiċi li seħħew minn dak iż-żmien lil hawn għamluhom aktar qerrieda, l-aktar ta’ nies ċivili. Bħal ma ġara f’Malta madankollu, llum ukoll il-qerda mill-ajru, waħidha, ma tassigurax li l-pajjiż attakkat se jċedi jew jisfa mirbuħ.

