Monday, February 23, 2026

FIDUĊJA FINA NFUSNA

Aqra wkoll

Mhijiex mistoqsija pwerili. Trid issir: Wara aktar minn sittin sena ta’ indipendenza politika, kemm ninsabu fiduċjużi fina nfusna bħala nazzjon? Tweġiba: Żgur li mhux biżżejjed. 

Fiduċja fina nfusna ma tfissirx li għandna nuru ruħna nazzjon ta’ profeti – ġens li jrid jagħti lezzjonijiet lil ħaddieħor. Ġieli ġiet dik it-tentazzjoni. Meta waqajna għaliha ftit qtajna figura. Fil-fatt kienet sinjal ieħor ta’ kif konna għadna – forsi għadna – lura milli niksbu l-fiduċja kollha fina nfusna li nirrekjedu. Żrinġ li jintefaħ wisq bih innifsu, jisplodi.

Min-naħa l-oħra, kien hemm – għad hemm – mumenti fejn donna lesti nilagħbuha tat-tfal iż-żgħar, lesti nisimgħu x’jgħidulna nagħmlu dawk li huma aktar maturi minna. Din l-attitudni intlagħbet l-aktar mal-Ewropej. Iddejjaqni ħafna aktar mill-ewwel tentazzjoni: rajtha titħaddem mill-qrib b’effett li jagħtik in-nawsea.

Il-fiduċja fina nfusna… msejsa fuq realiżmu dwar min aħna, imma wkoll fuq kburija dwar min aħna… għadha qed tinħema. Progress qed isir, mhux l-anqas fost il-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Se naslu.

ENERĠIJA GĦALL-EWROPA 

Ftit tas-snin ilu, saru pressjonijiet qawwija fuq il-kanċelliera Ġermanizi Schroeder u Merkel biex joħorġu kontra pajplajn li kellu jġib il-gass mir-Russja lejn il-Ġermanja. Il-gvern Amerikan insista f’dawn l-isforzi bl-argument li r-Russja għad tispiċċa tirrikatta lill-Ġermanja. (L-Amerikani riedu li l-Ewropa tibqa’ tistrieħ fuqhom għall-provista ta’ enerġija bil-gass.)

Il-gwerra li r-Russja tellqet fl-Ukrajna tat raġun, jew hekk deher, lil min qajjem dawn l-argumenti. 

B’ħafna tbatija, l-Ġermanja u oħrajn qed jabbandunaw il-gass li kellhom iġibu mir-Russja. Reġgħu qed jistrieħu aktar fuq l-Istati Uniti. Imma b’kif qed jitmexxew l-Istati Uniti llum, xinhi l-probabbiltà li r-“rikatt” li kellhom jagħmlu r-Russi, mhux se jagħmluh l-Amerikani?

SITI TA’ WIRT NAZZJONALI

Siti li huma ta’ preġju storiku nazzjonali, għandhom jinżammu qishom f’bozza, xejn mittiefes fihom minn kif kienu matul is-sekli, u nkwadrati biss b’mod li jħallu lin-nies iddur magħhom, tapprezzahom u titlaq?

M’inix konvint li din hi l-unika strateġija għall-użu tas-siti ta’ wirt nazzjonali. Ma naqbilx ma dawk li b’mod awtomatiku, jqumu kontra kull proposta maħsuba biex dawn is-siti jiġu adattati u mħaddma b’mod li jservu bżonnijiet tal-lum, anke b’mod kummerċjali. Ma hemm l-ebda valur intrinsiku filli siti storiċi jinżammu qishom kienu “ffriżati” u “bbalzmati” – ċassi biex jibqgħu kif kienu fl-imgħoddi.

Madankollu, jekk siti ta’ preġju storiku u naturali se jintużaw għan-nies tal-lum, trid tingħata attenzjoni qawwija biex jiġi żgurat li dan l-użu ma jservix ta’ ħsara. Forsi hawn hi l-akbar sfida, jew diffikultà. X’jista’ jsir biex din l-assigurazzjoni tkun tassew inforzata?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport