Saturday, December 21, 2024

Fiduċjuż li dan il-grupp ġdid ta’ players se jaħsad il-benefiċċji bħala team – Gilbert Agius (coach nazzjonali U21)

Aqra wkoll

B’dehra ġdida, it-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena se jkun fl-azzjoni, is-Sibt fis-7.00 pm, f’partita ta’ ħbiberija internazzjonali kontra Ċipru.

Din il-partita li se tintlagħab fis-Centenary Stadium, se tirrappreżenta era ġdida ta’ din il-kategorija fil-livell tat-team nazzjonali, b’bosta players jiġu msejħa għall-ewwel darba hekk kif jingħata bidu għall-avvenimenti ta’ din l-era l-ġdida qabel il-kompetizzjoni li jmiss.

L-edizzjoni preċedenti ta’ kwalifikazzjoni ntemmet, f’Ġunju li għadda, b’partita barra minn xtutna kontra Spanja, f’liema kompetizzjoni t-team irreġistra sitt punti grazzi għaż-żewġ rebħiet fuq  l-Irlanda ta’ Fuq.

Il-coach Gilbert Agius qed jagħmel dak kollu fil-poter tiegħu biex f’din l-iskwadra l-ġdida jinfilsa identitá  u filosofija ta’ kollettivitá li għal dawn l-aħħar snin it-timijiet nazzjonali ilhom jimplimentaw.

“L-iskwadra bħalissa fiha taħlita ta’ players mill-era preċedenti flimkien ma’ demm ġdid, li kollha se jkunu qed jaħdmu biex jistabbilixxu ruħhom u jissiġillaw post regolari f’din l-iskwadra ta’ Taħt il-21 sena fil-futur qrib.”

Il-coach Agius saħaq li, “Mhux faċli li tagħmel paraguni … l-iskwadra preċedenti kienet tikkostitwixxi l-isforz ta’ grupp ta’ players fuq medda ta’ 18-il xahar, filwaqt li din l-iskwadra hija totalment ġdida. Ilna naħdmu flimkien ġimgħa biss u għaldaqstant għadu kmieni biex nifhmu lil xulxin, nadottaw il-metodi tagħna kif ukoll nifhmu dak li hu meħtieġ eżattament mill-players.

“F’ċirkostanzi bħal dawn meta jkollna tant players ġodda, din hija opportunità  għalija u għall-bqija tal-istaff tiegħi biex naraw u nittrasmettu ma’ kull individwu li jirrappreżenta lil dan il-grupp ta’ players, l-istil ta’ logħob u l-filosofija li nixtiequ napplikaw.”

Il-coach Agius irrikonoxxa l-fatt li hemm prinċipji li jridu jiġu riveduti, jiġifieri, li għal uħud mill-players fl-iskwadra attwali, din l-opportunità tirrappreżenta wkoll l-ewwel esperjenza ta’ taħriġ f’dan il-livell tat-team nazzjonali.

“Aħna nafu x’rridu minn dan il-grupp ta’ players nibqgħu sodi fl-identità tagħna u nadottaw is-sistema ta’ logħob applikata mill-coach nazzjonali, Devis Mangia. Jien ninsab fiduċjuż li dan il-grupp ta’ players se jaħsad il-benefiċċji bħala team, iżda rridu naħdmu qatigħ waqt it-taħriġ qabel ma nifhmu x’jirrikjedi minnhom,” saħaq il-coach Agius.

Partiti ta’ ħbiberija kontra Ċipru u l-Montenegro

Wara l-partita kontra Ċipru ta’ nhar s-Sibt, it-team jirritorna fl-azzjoni kontra l-Montenegro fit-tieni partita ta’ ħbiberija (nhar it-Tnejn fis-7.00 pm), jiġiferi, 48 siegħa biss wara.

“Se nżommu ħarsitna wkoll fuq il-players stabbiliti f’din l-iskwadra. Dawn għadhom mhumiex il-prodott aħħari, qegħdin fit-triq it-tajba iżda għandna nifhmu wkoll li għad hemm lok biex inżidu u npoġġu l-metodi tagħna fil-prattika, bil-għan li nimxu ‘l quddiem u ngħinu aktar lil dan il-grupp ta’ players jimmatura u jgħolli l-livell tiegħu tal-logħba,” temm jgħid il-Coach Gilbert Agius.

Ekonomija

Sport