Wednesday, April 24, 2024

“Għum u Għin ma’ Emma – Aqdef kontra d-differenzi”

Aqra wkoll

Emma Tanti hi coach tal-għawm li f’dawn l-aħħar jiem nediet inizjattiva ferm interessanti bl-isem ta’ “Għum u Għin ma ’Emma – Aqdef kontra d-Differenzi.” 

Tanti se tkun qed twettaq għan nobbli hekk kif se tagħmel lezzjonijiet tal-għawm b’mod volontarju bl-istudenti li jipparteċipaw se jiġu mitluba jagħtu donazzjoni li tmur għal nies jew gruppi vulnerabbli fis-soċjeta’ Maltija fosthom nies li jbatu minn vjolenza domestika, forsi li għandhom problemi finanzjarji u li ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar kif ukoll oħrajn li għandhom kulturi differenti u li jbatu ħafna biex jintegraw fis-soċjeta’ tal-lum il-ġurnata. 

“Jien minni nħobb ngħin u fuq kollox nara li kulħadd jiġi trattat l-istess. Se nkun qed nuża’ ħini bl-aqwa mod possibbli fl-opinjoni tiegħi speċjalment għax jien irrid nagħti lura aktar milli nirċievi. Il-premju ta’ dan kollu tkun it-tbissima li nara f’wiċċ dik il-persuna li minħabba raġuni jew oħra baqgħet lura fis-soċjeta’ u li bis-saħħa ta’ dawn l-inizjattiva tingħata opportunita’kbira.” 

Emma qalet li l-programm li qed tippjana għal dawk li jitgħallmu magħha huma sessjonijiet intensivi ta’ għaxar sigħat u li se jsiru fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Hi sostniet li l-objettiv tagħha meta tgħallem ikun dak li apparti l-ħiliet neċessarji fl-għawm, turi lit-tfal kif għandhom ikollhom aktar kunfidenza fl-ilma.  

Meta mistoqsija dwar din l-inizjattiva, Emma qalet li tixtieq tagħti sehemha sabiex tneħħi ħafna mill-ostakli li n-nies u l-familji jiltaqgħu meta jiġu biex jiltaqgħu mat-tagħlim tal-għawm.  

“Nixtieq nara aktar ugwaljanza meta studenti jiġu biex jitgħallmu jgħumu. Jien nixtieq nikkontribwixxi għal iktar bidla sabiex persuni li għandhom diffikultajiet fiżiċi u mentali jkollhom aktar opportunitajiet.” 

“Jien nemmen li s-suċċess fl-għawm ma jistax jitkejjel bil-midalji iżda anke kif il-karattru tal-għawwiem jiżviluppa u jirnexxielu jegħleb kull ostaklu possibbli.” 

Emma Tanti temmen li l-gvern u l-organizzazzjonijiet soċjali għandhom jagħtu s-sapport tagħhom sabiex inizjattivi bħal dawn jiżdiedu u l-isforzi li jsiru min-nies bħalha jkomplu jagħtu l-frott.  

Saqsejna lil Tanti dwar il-futur tagħha fl-għawm. Hi qalet li aktar milli tgħum hi, tixtieq tkompli tgħallem lil ħaddieħor dan l-isport li tqisu bħala parti sew minn ħajjitha. Tfisser magħna s-sodisfazzjon li ssib meta tara student li beda mix-xejn u ftit ftit tgħallem jgħum waħdu. Għalhekk hi tenniet li se tkun qiegħda hemm għal diversi studenti sabiex tkun ta’ sapport għalihom. 

X’messaġġ tgħaddi lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fl-għawm. 

“Ħalli qalbek tmexxik speċjalment jekk int tixtieq titgħallem tgħum. Kompli oħlom għax il-ħolm isir realta’. Int biss tista’ tkun kapaċi tavvanza u fl-istess waqt int tista’ tibqa’ sejjer ‘il quddiem jew inkella lura skont kemm tirsisti.” 

“Jekk tixtieq l-għajnuna f’dan l-isport dejjem fittixha sabiex dak li tixtieq sa fl-aħħar isir realta’.” 

Sport