Sunday, May 5, 2024

Tnaqqis fiċ-ċaħda materjali u soċjali… l-anqas livell qatt irreġistrat ta’ Ċaħda Materjali u Soċjali Severa

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota b’sodisfazzjon kbir it-tnaqqis irreġistrat matul l-2023 fir-rata taċ-Ċaħda Materjali u Soċjali Severa kif ukoll fir-rata ta’ Ċaħda Materjali u Soċjali.

Ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, NSO ippubblikati llum juru r-rata taċ- Ċaħda Materjali u Soċjali Severa naqset minn 4.9% fl-2022 għal 4.1% fl-2023, tnaqqis ta’ 3,517-il persuna. Din hija l-anqas rata rreġistrata mill-2017 ’il hawn meta dan il-kejl daħal fis-seħħ skont parametri mibdula tal-Unjoni Ewropea dwar dħul u kundizzjonijiet tal-għajxien tal-familji.

Anke ir-rata ta’ Ċaħda Materjali u Soċjali niżlet minn 9.6% fl-2022 għal 9.2% fl-2023. Din hija l-anqas rata mill-2019 ’l hawn.

Iċ-ċifri tal-NSO jitfgħu dawl fuq kemm persuni affordjaw jew m’affordjawx numru ta’ oġġetti bħal jixtru ħwejjeġ jew żraben ġodda, iħallsu biex imorru għal xi ikla mal-qraba jew ħbieb tagħhom għal mill-anqas darba f’xahar, iħallsu għall-bżonnijiet tagħhom jew li jkollhom servizz tal-internet. F’dawn is-sitt kategoriji, l-għadd ta’ persuni li wieġbu pożittivament li jaffordjaw dawn l-ispejjeż kien wieħed għoli b’perċentwali li jvarjaw bejn 65% għal 94%.

Iċ-ċifri fil-fatt juru wkoll li naqas l-għadd ta’ familji li ma jaffordjawx iħallsu għal btala ta’ ġimgħa, naqsu dawk li ma jaffordjawx isaħħnu darhom, naqsu dawk li waqgħu lura fil-ħlasijiet ta’ pagamenti jew kontijiet, naqsu dawk li ma jaffordjawx jibdlu xi għamara f’darhom, naqsu dawk li ma jaffordjawx jixtru ħwejjeġ jew żraben ġodda, u naqsu dawk li ma jaffordjawx iħallsu biex imorru għal xi ikla mal-qraba jew ħbieb tagħhom għal mill-anqas darba f’xahar.

Dan it-tnaqqis fiċ-ċaħda materjali u soċjali kien irreġistrat l-iżjed fost l-anzjani u fost il-ħaddiema.

Fuq in-naħa l-oħra ċ-ċifri jindikaw li qabel id-dħul tal-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja kien żdied in-numru ta’ familji li ma kinux jaffordjaw jieklu laħam jew ħut kull jumejn jew li jaffordjaw spiża mhux mistennija. Dan ċertament kien riżultat tal-inflazzjoni għolja li konna għaddejjin minna f’pajjiżna fil-perjodu tal-istħarriġ, inflazzjoni ikkawżata mill-instabbilità u l-inċertezza madwar id-dinja.

Minkejja dan, ir-rati u n-numri ta’ dawk li m’affordjawx dawn l-oġġetti jew attivitajiet fl-2023 kienu sostanzjalment anqas minn kemm kienu fl-2013, kif muri fit-tabella t’hawn taħt

Mitlub jikkummenta, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drtittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li huwa sodisfatt bil-fatt liċ-ċaħda materjali u soċjali, inkluż dik severa, reġgħu naqsu anke fl-2023 u jinsabu fl-anqas livelli. Huwa nnota wkoll b’sodisfazzjon it-titjib irreġistrat fost l-anzjani grazzi għal għexieren ta’ miżuri immirati għalihom.

Minkejja dan, il-Ministru Michael Falzon innota l-fatt li l-inflazzjoni li feġġet fil-perjodu tal-istħarriġ speċjalment fil-prezzijiet tal-ikel ħalliet impatt fuq il-familji, l-aktar dawk fil-faxxa ta’ isfel.

Il-Ministru Falzon tenna li għal din ir-raġuni, minbarra li l-Gvern baqa’ jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u l-qmuħ u ċ-ċereali, lejn l-aħħar tal-2022 beda jitħallas benefiċċju ġdid maħsub biex familji u persuni bi dħul baxx jew medju jkunu jistgħu jlaħħqu aħjar mal-effetti tal-inflazzjoni.

Dan il-benefiċċju kompla jissaħħaħ u jitwessa’ fl-2023 u fil-fatt minnu gawdew madwar 96,000 familja li bejniethom tħallsu aktar minn €20 miljun. Dan il-benefiċċju ser jitħallas mill-ġdid f’Mejju li ġej u se jkompli jitħallas kull sena biex b’hekk il-Gvern se jkompli jkun ta’ spalla għal kulħadd, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonnha. Dan minbarra l-ftehim għall-istabbilità fil-prezzijiet li qed jgħin ukoll sabiex ikun hemm roħs fi prezzijiet ta’ 450 prodott essenzjali tal-ikel.

Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid li huwa għalhekk ukoll liċ-ċifri ta’ ċaħda materjali u soċjali, inkluż dik severa, huma fl-anqas livelli tagħhom u huma sostanzjalment anqas minn kif kienu fl-2013.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport