Saturday, May 4, 2024

Perita Serba tinżamm arrestata fuq serq ta’ oġġetti kulturali mill-Palazz tal-Gran Mastru

Aqra wkoll

Serba ta’ 52 sena residenti l-Iklin inżammet taħt arrest preventiv wara li ġiet mixlija li serqet tliet vażuni u arloġġ mill-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Madankollu, l-oġġetti misruqa għadhom sa issa ma nstabux.

Ljubica Zivkovic, li taħdem bħala perit u għandha 52 sena, wieġbet mhux ħatja għall-akkużi ta’ serq aggravat, li kienet fil-pussess ta’ oġġetti kulturali li kisbet b’mod illegali u li kisret ordni ta’ probation. Is-serqa seħħet fil-5 ta’ April li għadda.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet ukoll kif il-mara għandha problema ta’ abbuż ta’ sustanzi filwaqt li kienet taħt probation għal reati simili. 

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputata, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-kondotta tal-mara u l-fatt li għad fadal aktar persuni fosthom kollegi tagħha li għad iridu jixhdu. 

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li l-mara ma kinitx affidabbli u għalhekk ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Nicholas De Gaetano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Daryl Borg u Christina Delia. L-Avukat Rachel Tua dehret għas-Serba. 

Il-valur tal-oġġetti misruqa jammonta għal €13,000. Is-serq ta’ dawn l-oġġetti sar magħruf minn stqarrija li ħarġet Heritage Malta ftit ħin wara li l-oġġetti nstabu nieqsa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport