Thursday, April 25, 2024

Basketball – Kienet esperjenza verament sabiħa għall-clubs lokali sabiex jilagħbu kontra team b’saħħtu u ta’ kalibru bħas-selezzjoni Amerikana – Ruben Baldacchino

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

It-tieni edizzjoni tal-Elite Basketball Tournament intemmet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet hekk kif is-selezzjoni Amerikana rebħu l-finali tal-Elite Cup wara li rebħu lil Depiro bl-iskor ta’ 120-83. Kienet logħba ferm interessanti speċjalment fl-ewwel taqsima fejn il-Maltin komplew mal-avversarji għalkemm fit-tieni waħda l-Amerikani ħadu r-riedni tal-logħba f’idejhom u ħarġu rebbieħa bi skor ferm kbir.  

Dan it-turnament li nistgħu ngħidulu internazzjonali ġie organizzat mill-kordinatur Ruben Baldacchino li ma’ Talk.mt tkellem dwar dak kollu li kien jinvolvi u l-esperjenza li ħadu diversi players Maltin.  

“Tliet timijiet Maltin ħadu sehem f’dan it-turnament tas-sajf fejn minbarra Depiro u s-selezzjoni Amerikana kien hemm ukoll Hibernians u Gżira Athleta.” 

“Bla dubju li kienet esperjenza verament sabiħa għall-clubs lokali sabiex jilagħbu kontra team b’saħħtu u ta’ kalibru bħas-selezzjoni Amerikana.” 

“Sa ċertu punt, dan it-tournament serva ta’ preparazzjoni għall-istaġun tal-basketball lokali bil-coaches ta’ dawn it-timijiet li kellhom iċ-ċans jesperimentaw filwaqt li diversi żgħażagħ ħadu esperjenza differenti mis-soltu.” 

Baldacchino qal li minkejja li dawn il-players Amerikani ma jilagħbux mal-aqwa diviżjonijiet tal-pajjiż, minkejja kollox għandhom livell ogħla minn dawk Maltin minħabba li jipparteċipaw b’mod regolari fil-kulleġġi rispettivi tagħhom.  

Dan l-avveniment hu parti mit-tour Ewropew li din is-selezzjoni Amerikana tagħmel kull sena fejn fost l-oħrajn tmur f’pajjiżi oħra fosthom fir-Renju Unit u l-Fillandja.  

Ruben Baldacchino tenna li jinsab kuntent bil-kollaborazzjoni li l-assoċjazzjoni għandha mas-selezzjoni Amerikana u l-Amateur Athletic Union li jinkludu lil Malta bħala parti mid-destinazzjoni tagħhom.  

“Kien ta’ sodisfazzjon ukoll li rajna l-istands tal-padiljun tal-basketball li kienu mimlija bl-ispettaturi li raw logħob ta’ livell għoli li jawgura tajjeb sabiex inżidu dejjem aktar dan l-avveniment li se jkun wieħed annwali.” 

Sport