Wednesday, April 24, 2024

FIGURA TAJBA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Stejjer dwar kif kienu proċessati każi fil-qorti u dwar investigazzjonijiet mill-
pulizija bilfors iqajmu inkwiet, lil hinn mill-kontroversji politiċi li jinqalgħu. Aktar u aktar jekk ftit li xejn jingħataw spjegi dwar li jkun ġara u għaliex.

Fl-aħħar mill-aħħar il-biċċa m’għandhiex tiddependi minn kriterji politiċi.
Lanqas fl-Istati Uniti fejn il-kummissarji tal-pulizija u l-prokuraturi ġenerali jintgħażlu bil-vot, ma jaċċettaw (wisq) li jiġri hekk. Min hu fil-kariga pubblika u l-istituzzjoni li jmexxi jridu jkunu kapaċi jieħdu azzjoni effettiva u wara jibqgħu pubblikament “accountable” għal ħidmiethom.

L-idea li jrid ikun il-Ministru li jirrispondi jew ma jirrispondix għal għemilhom ma tagħmilx sens. Sakemm ma jkunux qed iservu ta’ paraventu għalih – u allura
n-nuqqas ta’ kontabilità jispiċċa jagħti xhieda ta’ amministrazzjoni doppjament żlugata. Ma rridx nemmen li dan qed jiġri f’Malta.

Xorta waħda fl-oqsma msemmija, m’aħniex qed naqtgħu figura tajba.

PATTA PARI PATTA

Għas-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew dax-xahar ittellgħu għall-vot
miżuri ewlenin tal-“Green Deal” – maħsuba biex tilqa’ għat-tisħin globali tal-klima. Il-miżuri kienu jistrieħu fuq kompromessi maqbula bejn il-gruppi politiċi.

Dwar taxxi fuq it-trasport bl-ajru, il-grupp tal-Popolari permezz ta’ emenda
mressqa minn xi deputati tiegħu, pprovaw irattbu l-miżuri. Kienu jafu li s-Soċjalisti u l-ħodor b’xejn ma riedu jaqblu fuq hekk, imma bil-vot tal-lemin estrem, l-emenda għaddiet. Saret parti sħiħa mill-miżuri. Hawn is-Soċjalisti u l-ħodor iddeċidew li jivvotaw kontra l-pakkett kollu. Bil-vot tal-lemin estrem, li ma jitilfu l-ebda opportunità biex jivvotaw le, il-pakkett ġie rrifjutat mill-Parlament. Il-Popolari kkritikaw lis-Soċjalisti u l-Ħodor li alleaw ruħhom max-xellug estrem.

Veru li l-ispiżjar milli għandu jagħtik…

LI TIKKOLLEZZJONA

L-għada li inzertajt qed naqra essay tal-kritiku letterarju Walter Benjamin,
korrispondent f’ġurnal Malti kkwota l-istess xogħol u l-biċċa minnu li l-aktar laqtitni. Il-kitba kienet dwar min jikkollezzjona l-kotba u x’inhu li jimmotivah.

Benjamin, li kien kollezzjonist kbir tal-kotba, isemmi kif meta n-nies jaraw il-
kotba li tkun ġemmajt, fis jistaqsuk jekk qrajthomx kollha. Fakkar kif kien wieġeb Anatole France: “Dażgur li le – bilkemm qrajt għaxra fil-mija minnhom. Imma taħseb li min iġemma’ kpiepel jew il-fajjenza jilbishom jew jieħu t-te minnhom kollha”?

Benjamin ifisser il-gost li l-preżenza fiżika tal-kotba qribu tagħtih. Jikkonfortawh l-aktar it-tifkiriet ta’ kif u meta kisibhom – u tal-aqwa xirjiet li rnexxielu jagħmel. Jgħid ħafna affarijiet li għarafthom fl-esperjenza tiegħi. U nimmaġina li
tixbah l-esperjenza ta’ kull min jikkollezzjona, mhux kotba biss. Benjamin li kkommetta suwiċidju hu u jaħrab min-Nazi għall-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, spiċċa kellu jbigħ malajr malajr il-kollezzjoni tiegħu.

Sport