Transparency International għadha kemm irrapportat il-lista ta’ pajjiżi li jinsabu fuq l-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2022 fejn Malta għadha kemm ikklassifikat fl-54 post minn 100 b’51 punt.
L-Indiċi tal-Perċezzjonijiet tal-Korruzzjoni jikklassifika l-pajjiżi u t-territorji skont kemm hu perċepit li hu korrott is-settur pubbliku tagħhom. Il-punteġġ ta’ pajjiż jew territorju jindika l-livell perċepit ta’ korruzzjoni tas-settur pubbliku fuq skala minn 0 (korrotti ħafna) sa 100 (nodfa ħafna).
Għalkemm Malta kompliet tinżel bi ftit punti ‘l isfel f’din il-klassifika meta nħarsu lejn dak kollu li għaddejna minnu tul dawn l-aħħar snin u l-istat li ninsabu fih illum il-ġurnata jkollna ngħidu li l-pożizzjoni tagħna f’dik il-klassifika ma tirriflettix ir-realtà. Madankollu xorta jkollna nammettu li dawn mhumiex riżultati sbieħ għalina man-nies hemm barra.
Biss biss jekk tħares lejn il-pajjiżi li jinsabu f’pożizzjoni qabilna fil-klassifika meta tikkunsidra l-korruzzjoni u l-frodi f’pajjiżhom, bħall-Greċja li qiegħda fil-51 post, pajjiż mimli bil-korruzzjoni, jew l-Italja li qiegħda fil-41 post, jew l-Iżrael li qiegħda fil-31 post, pajjiż magħruf għall-frodi fl-investimenti, tħokk rasek u tistaqsi għaliex Malta tinsab f’dak il-post meta ħadmet tant u għamlet progress sinifikanti fl-indirizzar tad-defiċjenzi strateġiċi kontra l-ħasil tal-flus u korruzzjoni.
Mill-Gvern il-Prim Ministru Robert Abela ħa passi mingħajr preċedent biex isaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Filwaqt li dejjem irrispetta l-indipendenza tal-istituzzjonijiet, huma min huma u huma fejn huma, dejjem ra li jinvesti fihom kemm meħtieġ biex iwettqu xogħlhom b’serjetà u serenità. Matul is-snin ġew żviluppati f’Malta liġijiet f’dan il-qasam u twaqqfu numru ta’ strutturi legali u riżorsi. Fosthom insemmu l-ħidma sfieqa mill-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) u l-Iskwadra tal-Pulizija fost oħrajn, u dan qed jidher mir-riżultati li qed naraw. Filwaqt li qed jara li jsaħħaħ istituzzjonijiet oħrajn li għandhom bżonn titjieb fil-proċess fosthom is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.
Filwaqt li fi stħarriġ tal-Ewrobarometru, li sar bejn Marzu u April li għadda, wera kif il-korruzzjoni għadha sors ta’ tħassib serju għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, l-proporzjon ta’ dawk li jħossu li l-korruzzjoni f’pajjiżhom żdiedet naqas, u l-ikbar tnaqqis ġie rreġistrat proprju f’Malta: tnaqqis sostanzjali ħafna ta’ 24%. Din il-figura tfisser li f’Malta dawk li jemmnu li l-korruzzjoni żdiedet fl-aħħar tliet snin niżel għal 50% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ.
Il-Gvern Malti jinsab għaddej b’ħidma kontinwa biex iżomm kontroll minn konsegwenzi serji fuq l-ekonomija u s-soċjetà. Mill-banda l-oħra naraw dawn ir-riżultati fl-Indiċi tal-Perċezzjonijiet tal-Korruzzjoni. Hawnhekk wieħed jistaqsi kif qed jaslu għal dawn ir-riżultati.