Saturday, April 27, 2024

Fil-Black Friday in-nies ħasbu għar-rigali tal-Milied

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ninsabu fi żmien inflazzjoni u opportunità ta’ prezzijiet imraħħsa mhux ta’ min jitlifhom. Huwa għalhekk li fl-offerti u t-tnaqqis fil-prezzijiet li kien hemm fil-Black Friday jew aħjar fil-Black Month, il-konsumatur Malti nefaq il-flus.

Nefaq il-flus hekk kif ikkonfermat il-Kamra tal-SMEs l-aktar fuq apparat teknoloġiku u dak domestiku iżda interessanti huwa l-fatt li kien hemm min li ħa din l-okkażjoni biex jixtri minn qabel ir-rigali tal-Milied. Dan hekk kif l-offerti min-negozji lokali nfirxu fuq għadd aktar wiesgħa ta’ prodotti li jinkludu ġurgarelli, kotba u prodotti tas-sbuħija.

“Inqisu li ż-żmien il-Black Friday huwa importanti ħafna u meqjus bħala kruċjali bħala bejgħ irreġistrat meta mqabbel mal-bqija tas-sena. Il-Black Friday hija assoċjata ma’ diversi prodotti bl-aktar b’saħħithom ikunu l-apparat teknoloġiku u dak domestiku, ħwejjeġ u affarijiet tal-moda. Però, illum il-ġurnata anke permezz li wieħed jista’ jippjana aħjar fil-Black Friday għax qiegħda ssir fuq xahar sħiħ, il-konsumaturi saru jdaħħlu anke x-xiri tar-rigali bi preparament għall-Milied. Din is-sena, anke mill-viżibilità li rajna fuq il-pjattaforma tagħna, rajna varjetà ta’ prodotti li wieħed jista’ jfittex relatati mal-offerti tal-Black Friday u dawn inkludew ġugarelli għat-tfal, kotba, kif ukoll servizzi tal-massaġġi, xagħar u sbuħija. Dan ifisser li hemm firxa ħafna usa’ li wieħed awtomatikament jassoċja mal-Black Friday”.

Hekk spjegat il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, Abigail Agius Mamo li rrikonoxxiet li kulħadd qiegħed iħoss impatt tal-inflazzjoni tant li, “wieħed japprezza meta jiġi Black Friday. Pjuttost il-konsumatur ikollu bżonn akbar li jkun hemm tnaqqis fil-prezzijiet u offerti bħal dawn. Dan għax fl-aħħar mill-aħħar kulħadd ikun irid jixtri rigali tal-Milied jew ikollu ċertu bżonnijiet. Allura wieħed jista’ jieħu opportunità minnha biex jaqdi aktar l-esiġenzi tiegħu f’dan il-mument daqsxejn aktar diffiċli u kkomplikat”.

Black Friday jew Month?

Mistoqsija dwar il-fatt li llum il-ġurnata l-okkażjoni tal-Black Friday infirxet fuq xahar sħiħ flok issir f’jum wieħed, Agius Mamo spjegat li r-raġuni wara din il-bidla hija l-prattiċità li tevita konfużjoni u stress kemm għall-konsumaturi, kif ukoll għan-negozji.

“Din hija inizjattiva li mhiex issir f’pajjiżna biss għax barra minn Malta jagħmlu hekk ukoll. Bħala Kamra rajna li l-esperjenza li n-negozji ħadu tul is-snin hija dik li tagħmel ħafna aktar sens li jestenduha aktar milli tkun f’ġurnata biss. Dan għal raġunijiet ta’ konvenjenza u mis-sens loġistiku. Ifisser, li għalihom huwa aħjar li jkollhom l-offerti għaddejjin bil-kwiet tul ix-xahar kollu ta’ Novembru milli kollox jaqa’ fi tmiem il-ġimgħa wieħed”.

Qalet li, “fil-passat l-okkażjoni ta’ juw wieħed ta’ Black Friday, kien jikkawża konġestjonijiet tat-traffiku, ġenn fil-ħwienet u kjuwijiet twal. Dan ovvjament mhuwiex l-istat ideali li wieħed jagħmel ix-xiri tiegħu. Tikkawża stress b’konsegwenza li wieħed ma jieħux daqstant gost b’tali esperjenza. Dan japplika wkoll għan-negozji b’mod speċjali bħalissa li ninsabu fi żmien fejn ir-risorżi umani huma limitati. Barra minnhekk, in-negozji llum jagħtu ħafna kas tal-customer care tagħhom. Għalhekk, fuq firxa usa’ ta’ żmien, huma jkunu jistgħu jorganizzawha b’mod aħjar u jkunu jistgħu jaqdu lill-klijent aħjar. Min-naħa tiegħu, il-klijent b’dan il-mod ikun jista’ jippjana bil-kwiet skont il-prijoritajiet tiegħu u jqassam ix-xiri li jkollu bżonn b’mod eħfef”.

B’aktar parteċipazzjoni jkun hemm aktar konkorrenza

Meta wieħed jara negozji li jibdew minn qabel bl-offerti tal-Black Friday, mistoqsija li l-konsumatur tiġih hija dik li jekk fil-jum proprju, il-prezzijiet imnaqqsa jerġgħux jorħsu. Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs fir-rigward qaltilna li, “normalment, il-prezzijiet li jkun hemm matul il-Black Month ikunu l-istess bħalma jkunu fil-Black Friday. Li jiġri huwa li l-biċċa l-kbira jkun hemm konkorrenza akbar fil-jum tal-Black Friday għax jipparteċipaw aktar negozji li ma jkunux bdew bl-offerti mill-bidu tax-xahar.

Dawn huma negozji li jiffokaw aktar fuq din il-ġimgħa biss u allura l-konsumatur jista’ jara aktar tnaqqis fil-prezzijiet matul din il-ġimgħa għax aktar ħwienet jipparteċipaw”.

Fejn jidħol l-aspett ta’ kompetizzjoni bejn in-negozji nfushom, Agius Mamo speċifikat li, “b’xi mod jew ieħor, fil-verità, illum il-ġurnata kull negozju jista’ jipparteċipa fil-Black Friday u huwa importanti li kull negozju jipparteċipa. Dan għax aħna nemmnu li n-negozju jdur mad-domanda tal-konsumatur u dak li jkun, biex jibbenifika minn xi ħaġa, ikun qiegħed jistenna li jkun hemm ċaqlieqa fil-prezzijiet u li n-negozji jipparteċipaw fil-Black Friday. Ovvjament kulħadd jadatta għal dak li jista’ jagħmel huwa u anke bl-inflazzjoni fost fatturi oħra, wieħed kultant isibha ftit diffiċli biex iraħħas il-prezzijiet. Però, wieħed jagħmel sa fejn jista’. Dan narawh anke meta jkun hemm tnaqqis fil-prezzijiet min-negozji differenti. Hemm min fuq affarijiet żgħar li jiswew inqas flus, jagħmel traħħis inqas baxx minħabba li l-profitti marġinali jkunu inqas, imbagħad hemm min li fuq prodotti li huma ferm akbar fejn wieħed ikollu aktar il-possibbiltà li jnaqqas sew, dawn inaqqsu l-prezzijiet b’mod aktar agressiv”.

Mistenni Milied b’saħħtu fejn jidħlu avvenimenti u attivitajiet

Il-Kamra tal-SMEs qalet li fost in-negozji kien hemm min irrapporta andament pożitttiv fil-bejgħ, mentri kien hemm uħud li kellhom tnaqqis meta mqabbel mas-sena l-oħra. Din il-Kamra qalet li r-riżultati tal-aħħar Black Friday kienu influwenzati wkoll mil-lokalità tal-istess ħwienet, kif ukoll mit-temp.

Huma kkonfermaw ukoll li minn mindu l-offerti tal-Black Friday infirxu tul xahar sħiħ flok f’ġurnata waħda, din il-bidla strateġika kellha impatt pożittiv kemm fuq il-konsumaturi, kif ukoll fuq in-negozji nfushom.

Min-naħa tagħha Abigail Agius Mamo qalet li l-konkorrenza tan-negozji din is-sena kienet waħda tajba ħafna u li l-Kamra min-naħa tagħha kompliet ittejjeb fuq dak li għamlet fis-snin ta’ qabel bil-għan li tiżgura li l-Black Friday tkun, għal darb’oħra, suċċess.

Rigward ix-xiri li “jmiss” tal-Milied, din il-Kap Eżekuttiv temmet tħabbar li qegħdin jistennew Milied pjuttost tajjeb fejn aċċennat li, “ix-xejra li qegħdin naraw min-nies hija li jridu joħorġu, jiddevertu u jiċċelebraw. Din is-sena kienet waħda rekord fejn jidħlu avvenimenti u attivitajiet. Se jkun hemm ammont minnhom relatati mal-Milied fejn kulħadd se jara l-okkażjoni speċjali li se jipparteċipa fiha fil-Milied u dak kollu li jġib negozju”.

Sport