Saturday, December 21, 2024

Fil-Budget 2025 ġew allokati aktar minn €1 biljun għall-miżuri fl-edukazzjoni, fl-isport, għaż-żgħażagħ, fir-riċerka u fl-innovazzjoni

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Pajjiż ta’ Kwalità, il-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjegaw il-miżuri mħabbra fil-Budget għas-sena d-dieħla, li jammontaw għal €93 miljun iktar f’allokazzjoni mill-Budget għal din is-sena għall-edukazzjoni, l-isport, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni, b’total globali ta’ aktar minn €1 biljun.

“Dan huwa gvern li bil-fatti qiegħed jagħti prijorità b’investiment bla preċedent f’oqsma li huma fost l-aktar importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna — is-settur tal-edukazzjoni u l-isport. L-edukazzjoni hija essenzjali għall-prosperità tal-pajjiż għaliex tagħtina l-għodda biex nikkontribwixxu b’mod pożittiv fil-komunità, tiżviluppa l-ekonomija permezz ta’ ħiliet u għarfien aġġornat, u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini kollha. B’edukazzjoni b’saħħitha, il-pajjiż ikollu l-ħila biex jimxi ’l quddiem u jiżdied is-suċċess. Għalhekk l-investiment kontinwu f’dan is-settur,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Fost miżuri li semma, il-Ministru Clifton Grima spjega l-allowance ta’ €500 fis-sena għal tliet snin għal dawk li jkomplu l-edukazzjoni wara l-età obbligatorja, b’investiment ta’ madwar €6 miljuni. Għal dawk it-tfal li l-familji tagħhom jaqgħu taħt Skema 9 l-Gvern se jipprovdilhom Librerija fid-Dar b’valur ta’ €150, €20 lil kull student fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji sabiex jintefqu f’kotba fil-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb, u se jiġu allokati fondi għall-iskejjel biex iwettqu proġetti ta’ tisħiħ fl-infrastruttura edukattiva, partikolarment fejn jidħlu suġġetti bħal numeracy, literacy, u STEM.

Ix-xogħol fuq l-infrastruttura edukattiva se jkompli għaddej permezz ta’ modernizzar u manutenzjoni fuq aktar minn 100 skola fuq perjodu ta’ 13-il sena. Kull sena, din l-inizjattiva se tiffinanzja 8 proġetti. Dan jikkumplimenta l-investiment li qed isir fl-iskejjel ta’ Għawdex, fejn inbnew skejjel ġodda fosthom fir-Rabat Għawdex b’investiment li jiżboq it-€18-il miljun, u l-iskola ġdida fl-Imsida. Apparti dawn, hemm ukoll il-proġetti ta’ skejjel ġodda fil-Mellieħa u n-Naxxar.

Huwa saħaq li l-ikbar investiment li l-pajjiż jista’ jagħmel huwa fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna, ir-riżors uman, rifless fil-ftehim settorjali li kien iffirmat mal-Unjin tal-Għalliema (MUT) li 8,600 edukatur bdew jibbenefikaw minnu. Edukaturi li issa wkoll se jkunu fil-qalba tal-proċess ta’ deċiżjonijiet permezz tal-politika “Educators as Policy Makers”. Huwa għalhekk ukoll li dan il-budget jara t-tisħiħ tal-programmi ta’ scholarships u tax credits għall-istudenti. Fost miżuri oħrajn hemm żieda pro rata tal-għoli tal-ħajja fl-istipendji għall-istudenti, se jibda l-proċess preliminari biex jitwaqqaf mill-ġdid l-Istitut tas-Snajja’ u l-estensjoni tal-one-tablet-per-child.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti spjega li “Permezz tal-Budget 2025, qed inpoġġu l-pedamenti għal Malta reżiljenti, innovattiva u inklużiva, b’enfasi qawwija fuq iż-żgħażagħ tagħna u fuq ir-riċerka li ġġib soluzzjonijiet reali. Billi nirduppjaw l-investiment fir-riċerka dwar il-kanċer, nespandu l-opportunitajiet għal dawk li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom, u ntejbu l-aċċess għall-edukazzjoni teknoloġika, mhux biss qed nindirizzaw il-bżonnijiet ta’ issa imma qed nibnu futur ta’ kwalità għal pajjiżna.”

Ekonomija

Sport