Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet hekk kif fl-aħħar sena tal-Primarja kont mort ġo skola fejn kellna aktar aċċess għal-logħba milli kelli fl-iskola li kont qabel minħabba li kellna aktar faċilitajiet.
Imbagħad erġajt iċċaqlaqt fi skola ohra fis-Sekondarja, fejn bdejt ninteressa aktar ruħi. Dak iż- żmien barra l-iskola kellna x-xorti ta’ street football u fejn kont noqgħod jien, kien hemm diversi għelieqi li dawwarnihom f’pitch tal-futbol. Imbagħad għamilt ħbieb ġodda bil-futbol u kienu ħajruni nissieħeb ma’ klabb. Kont mort għamilt żmien mal-Hibernians dak iż-żmien imma meta bdejt il-karriera tiegħi, il-ħinijiet tax-xogħol ma ppermettewlix aktar li nkompli nsegwi t-taħriġ u għalhekk kelli nieqaf ta’ etá żgħira. Peró, il-futbol baqa’ f’qalbi, u maż-żmien komplejt nilgħab logħob organizzat bejn il-ħbieb.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Kowċ tat-Tim tal-U13 ta’ Fgura United FC.
Jiena bdejt il-karriera fil-kowċing tiegħi mal-istess klabb li llum ninsab fih, xi 14-il sena ilu. Għalkemm kelli esperjenzi ma’ klabbs oħra, issa ilni dawn l-aħħar tliet staġuni bħala kowċ tal- U13 ta’ Fgura United FC. Li nista’ ngħid li l-qabża kbira fil-livell kemm dak ta’ plejers kif ukoll ta’ organizzazzjoni, naħseb li mexjin fit-triq it-tajba li jekk mhux issa, imma fil-futur qrib, inkunu kapaċi nħabbtuha mal-ogħla livell lokali. Bħala nursery qed tipproduci aktar plejers ta’ livell u l- kowċis u t-tmexxija kemm teknika u anke amministrattiva qed ikunu strumentali biex inkomplu ntejbu l-livell. Rigward l-esperjenza tiegħi kemm ilni li erġajt ingħaqadt ma’ Fgura United, kellna mumenti ta’ sodisfazjon kemm f’kompetizjonijiet lokali, kif ukoll f’kompetizjonijiet fejn kienu jinvolvu timijiet barranin ta’ klabbs b’fama kbira.
Huwa fatt magħruf li t-Tim tal-kbar ta’ Fgura United FC qed jutilizza numru ta’ plejers prodotti tan-Nursery. X’taħseb li huwa s-sigriet rigward dan is-suċċess?
It-tim tal-kbar preżenti jidher ċar li jemmen fit-talent żagħżugħ lokali għax mhux biss għandu prodotti li telgħu mill-istess klabb, imma għandu prodotti żgħażagħ ġejjin minn diversi klabbs oħrajn. Issa, il-fatt li talent żagħżugħ li jiprometti, speċjalment prodott tal-klabb jiġi utilizzat, naħseb juri viżjoni ta’ klabb li lest jieħu paċenzja sabiex jara suċċess f’dawn iż-żgħażagħ.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Il-livell tal-grassroots f’pajjiżna tjieb b’mod sinjifikanti. Naħseb li l-ħidma taċ-Ċentru Tekniku tal- MFA li jkun hawn aktar kowċis kwalifikati, tgħin għal dan il-għan għalkemm hemm ħafna aktar x’ jista’ jsir. Illum, mhux bħal qabel, hawn ħafna faċilitajiet fejn bħala kowċ tista’ tikseb informazzjoni u tagħlim u għaldaqstant dan jgħin biex is-servizz offrut lejn it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jkompli jkun aktar ta’ kwalitá. Hawn ħafna opportunitajiet fejn il-plejers jiġu esposti għal- livell ogħla minn ta’ pajjiżna u dan jgħin ukoll.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti mexa ‘l quddiem peró ħaddiehor għamel passi kbar ukoll. In-nuqqas ta’ riżorsi u faċilitajiet nemmen li huma ta’ intopp biex aħna nilħqu l-livell ta’ pajjiżi oħrajn, kif ukoll il-kobor ta’ pajjiżna ma jgħinx biex tiskopri l-ammont ta’ talent li jsibu pajjiżi ferm akbar minna.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?
Kif diġá għidt, ir-riżorsi f’art żgħira bħal tagħna huma limitati mmens u din hija l-battalja ta’ diversi klabbs li bilkemm għandhom fejn jitħarrġu. Fortunatament aħna, bħala Fgura United FC, għandna faċilitajiet tajbin għalkemm dan mhux komuni għal kull fejn immorru nilagħbu logħbiet ta’ ħbiberija u logħob kompetittiv.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Fil-futur nixtieq li jkolli aktar ċans nagħmel aktar korsijiet u nikseb liċenzji ogħla sabiex il- kontribut tiegħi lejn iż-żgħażagħ tagħna jkun aħjar u forsi jkolli l-opportunitá mmexxi xi nursery ta’ xi klabb, peró preżentement bix-xogħol tiegħi ma tantx jippermettili.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Fil-futbol, bħal kull sport ieħor, trid tkun dedikat u trid tagħmel sagrifiċċju kbir biex tirnexxi. Ma trid taqta’ qalbek qatt u tfittex l-għajnuna fejn ikollok bżonn!

