Wednesday, July 24, 2024

Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda jiltaqa’ l-Youth Advisory Forum

Aqra wkoll

“Fix-xhur li għaddew inbeda l-proċess sabiex jitwaqqaf il-Youth Advisory Forum. Fil-ġimgħat li ġejjin dan se jibda jiltaqa’ uffiċjalment hekk kif wara sejħa pubblika, saru laqgħat fejn smajna mingħand diversi applikanti u saru wkoll l-intervisti minn bord apposta li fih kien hemm anke l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.”

Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt it-tnedija tal-proġett R.I.G.H.T.S. immexxi mill-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà. Dan il-proġett ħa s-sura tiegħu wara finanzjament minn fondi Ewropej u ħidma b’koperazzjoni mal-Ministeri għall-Gvern Lokali, għall-Edukazzjoni u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

“Nistqarr li kull esperjenza li jkolli mat-tfal u ż-żgħażagħ hi waħda li nitgħallem ħafna minnha għaliex il-lenti tagħhom hi meħtieġa wkoll biex inkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet għall-preżent u l-futur,” qal Dr Abela.

“Dak li qed tagħmlu intom, aħna nkompluh b’tarġa oħra. Illum inħares ‘il quddiem li nibdew l-esperjenza mal-Youth Advisory Forum,” saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota kif il-proġett R.I.G.H.T.S. tal-Fondazzjoni mmexxija mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca se jħarreġ tfal u żgħażagħ f’ħiliet tat-tmexxija u jwaqqaf il-Kunsilli tat-Tfal Lokali u Reġjonali.

Il-Prim Ministru qal li pajjiżna għamel bidliet kbar fit-tisħiħ tal-vuċi taż-żgħażagħ fosthom bil-Vot-16 u l-introduzzjoni ta’ emenda legali li twassal biex tirrispetta l-vot fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fit-totalità tiegħu, f’każ li l-komunità taħtar żagħżugħ ta’ 16 jew 17-il sena biex jokkupa l-kariga ta’ Sindku jew Viċi-Sindku.

“Aħna konvinti li nkomplu nsaħħu l-vuċi tat-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom aspirazzjonijiet għall-ġejjieni u xogħolna hu li noħolqu l-opportunitajiet biex il-ħolm tagħhom jinbidel f’realtà”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

F’dan il-kuntest il-Prim Ministru qal li huwa għalhekk li l-Gvern qed iwettaq wegħda ewlenija, dik tal-garanzija għat-tfal għaliex biex issaħħaħ il-vuċi tat-tfal trid tinvesti fihom f’kull aspett. Hawn semma l-aspett soċjali u edukattiv. Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Fondazzjoni u l-Ministeri fost oħrajn involuti fi proġett li jkompli jsaħħaħ l-attiviżmu fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

“Malta b’saħħitha tfisser li jkollna komunitajiet li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom dwar temi differenti fosthom l-ambjent, il-qalbiet teknoloġiċi li qed jesperjenza pajjiżna u l-importanza tal-kwalità tal-ħajja f’dak kollu li nagħmlu,” qal il-Prim Ministru Abela.

Ekonomija

Sport