Wednesday, July 24, 2024

Raġel arrestat b’rabta ma’ erba’ serqiet f’ġurnata

Aqra wkoll

Kmieni dalgħodu, raġel ta’ 21 sena kien arrestat mill-Pulizija ftit sigħat wara li allegatament wettaq serqa minn ħanut f’Tas-Sliema. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta wkoll li l-istess persuna, allegatament wettaq tliet serqiet oħra matul l-istess ġurnata, waħda fil-Belt Valletta u tnejn oħra f’Tas-Sliema.

Ilbieraħ, għall-ħabta tad-9.00 p.m., il-Pulizija ġiet infurmata li kien daħal raġel f’ħanut fi Triq Sir Adrian Dingli, Sliema, armat b’sikkina u talab il-flus lill-kaxxier, raġel ta’ 37 sena residenti San Pawl il-Baħar. Il-ħalliel ħarab mill-ħanut b’ammont ta’ flus kontati u xi oġġetti oħra li seraq mill-ħanut.

Immedjatament bdew l-investigazzjonijiet u tfittxijiet għall-persuna li wettqet din is-serqa filwaqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco li ħatret inkjesta dwar il-każ.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-raġel li wettaq is-serqa f’Tas-Sliema kien l-istess wieħed li aktar kmieni fl-istess ġurnata, għall-ħabta tas-2.00 a.m., daħal f’lukanda fi Triq l-Ifran, il-Belt Valletta fejn allegatament seraq ammont ta’ flus kontanti.
Wara, għall-ħabta tal-4.00 a.m., ir-raġel allegatament wettaq serqa minn hostel li jinsab fi Triq Sir George Borg, Tas-Sliema fejn seraq xi flus kontanti minn kaxxa li kienet wara l-bank tar-reception u ftit ħin biss wara seraq kartiera u mobile minn vettura fi Triq it-Torri, Tas-Sliema.

Wara numru ta’ tfittxijiet f’postijiet fejn jiffrekwenta r-raġel, il-Pulizija rnexxiela ssibu dalgħodu fil-Belt Valletta u kien arrestat.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, huwa mistenni jitressaq il-Qorti fil-ġranet li ġejjin.

Ekonomija

Sport