Monday, April 14, 2025

Fil-ħajja għandek żewġ għażliet … jew torqod u toħlom, jew tqum mir – raqda u twettaq il-ħolma tiegħek – Aaron Portelli

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-triathlon?

Minn ċkuniti kont inħobb ir-rota. Fil-fatt l-ewwel rota li kelli kien xtrahieli missieri ta’ sitt snin … għadha għandi sa issa. F’Diċembru tal-2010 il-mara xtratli mountainbike, waslet Malta fi Frar 2011 u bdejt insuqha erba’ darbiet fil-ġimgħa. Għamilt ħbieb ġodda jħobbu l-mountainbike, u f’Ottubru 2011 mort Sqallija għall-ewwel darba biha. Komplejt nagħmel il- ħbieb mas-snin. Fis-sena 2013 iddeċidejt li nagħmel nofs maratona taż-Zurrieq allura bdejt niġri wkoll meta ma nsuqx ir-rota. Komplejt niġri u nsuq ir-rota u xtrajt “road bike” f’Diċembru tal-2014, fi Frar 2016 għamilt il-Maratona sħiħa. Komplejt nittrenja kuljum u fi Frar 2017 għamilt l-ewwel “duathlon”. F’Jannar tal-2018 iddeċidejt li nibda ngħum, u f’Ottubru 2020 għamilt l-ewwel distanza medja triathlon – half ironman. Fis-sajf tal-2021 xtajt “Time Trial” rota immirata għat-triathlon u dħalt f’ tim b’kowċ immirat għal dan l-isport. Minn hemm bqajt nirsisti kuljum.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Ghamilt 17-il nofs maratona, żewġ maratoni sħaħ, Sprint u Olympic triathlons, ukoll X-Country Triathlon li tkun bil-mountainbike u f’żona naqra mħarbta, għamilt erba’ “half ironmans” u se nagħmel il-ħames waħda f’Ġunju li ġej, tlieta minnhom barra minn Malta, fil-Lussemburgu, Jesolo u Warsaw fil-Polonja.

Kif tqis il-livell tat-triathlon f’pajjiżna fil-preżent?

Tajjeb hafna … hawn potenzal kbir. Il-ġenerazzjoni l-antika ħalliet frott u impatt fuq l-atleti il ġodda li għadhom telgħin. Persważ li se jkunu aħjar minna u se jagħmlu unur lil pajjiżna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

L-ikbar problema hija r-rota. Toroq b’ħafna karozzi u ċerti xufiera mhumiex konxji ta’ sewqan perikoluż li jista’ jweġġagħna. Għalhekk it-taħriġ tar-rota ikun diffikultuż għalina. Il -“bike lanes” mhumiex addattati għalina, ikunu kollha frak tal-ħġieġ. Kompetizzjonijiet f’Malta saru limitati minħabba problema ewlenija tal-ispazju, u bosta qed ifittxu li jikompetu barra minn xtutna, sfortunatament.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-triathlon?

Nibqa’ attiv u ma nħares qatt lura imma biss ‘il quddiem. Qed nippjana li nagħmel “Full ironman” fil-futur li tikkonsistii minn 3.9km għawm / 180km rota / 42.2km ġirja barra minn Malta.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fit-triathlon.

Qatt u qatt tagħtu kas x’jgħidu n-nies. Emmen fik innifsek, iffoka, agħmel tragward u ibni d- direzzjoni tiegħek. Is-sodisfazzjon li ġġorr il-bandiera Maltja qalb atleti barranin u tkun parti minn 0.3% ta’ nies fid-dinja li jipprattikaw dan it-tip ta’ sport, u tkun tista’ twieġeb għal min jgħidlek li mhux possibli, le huwa possibli. Tħares lura lejn ħajtek bla indiema u tkun kburi bik innifsek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport