Tuesday, May 14, 2024

“Fil-Jum Dinji tal-ħidma tagħna għażlu li jagħmlu l-ħsara lill-produtturi lokali”

Il-President tal-KPĦ Group jikkjarifika dwar it-tmexxija tal-irziezet tal-baqar tal-ħalib f’pajjiżna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ninsab impressjonat u ferm iżjed deluż għall-mod ta’ kif l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Ħarsien tal-Annimali għażel biex ifakkar il-Jum Dinji tal-ħidma tagħna”. Beda biex jgħid dan il-President tal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib (KPĦ) Group Noel Fenech b’reazzjoni għal informazzjoni mxerrda fuq il-paġna tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali b’rabta mal-Jum Dinji tal-Ħalib.

Ikkuntattjat minn Talk.mt dwar din l-informazzjoni, Fenech qalilna li hija weġgħa kbira għal dawk kollha fl-industrija li huma u jqallbu fil-midja soċjali jispiċċaw jaqraw din l-informazzjoni nieqsa mill-fatti u li l-ħsieb warajha u biss li tkisser l-industrija lokali tal-ħalib filwaqt li tippromwovi industriji oħra.

“Ir-raħħala tagħna qegħdin jaffaċċjaw sfidi kbar biex iżommu l-merħliet tagħhom minħabba spejjeż kbar li żdiedu b’żewġ daqqiet kbar wara xulxin; il-pandemija u l-invażjoni fl-Ukrajna. Ilna diversi xhur f’diskussjonijiet mal-gvern biex naraw li kemm jista’ jkun l-ebda wieħed mir-raħħala tagħna ma jikrolla quddiem dawn l-isfidi. Madanakollu llum, fil-jum li fih sippost lokalment nippromwovu dak li hu frisk u lokali, nagħżlu li nagħmlu din il-ħsara lis-settur”, kompla biex jiddikjara Fenech.

Uħud mill-baqar tar-raħħala Maltin waqt l-AgriFair 2022

Il-President tal-Kumitat tar-Raħħala kompla biex jispjega li kull raħħal f’pajjiżna huwa konformi mar-regolamenti tad-Dipartiment għas-servizzi Veterinarji u Filosanitarji fil-Marsa. Dan id-dipartiment jassigura li kull raħħal ikun qiegħed iħares il-liġi fejn jidħol trattament tal-bhejjem u jsiru wkoll spezzjonijiet fl-irziezet biex ikun żgurat li dawn qegħdin skont l-istandards tal-Unjoni Ewropea.

Minbarra dan kollu, bħala raħħal hu stess, Fenech qalilna li l-informazzjoni mogħtija bil-ħsieb li tagħmel ħsara lis-settur tal-ħalib lokali turi li hemm nuqqas t’għarfien ta’ x’tinvolvi fil-verità l-ħidma tar-raħħala. Spjega li għalkemm il-kitba tal-Kummissarju tal-Ħarsien tal-Annimali tinkludi kliem b’tipa skura biex tenfasizza ċertu punti, li ma tafx hu li hemm każi fejn waqt li kulħadd ikun mal-familji tiegħu,ir-raħħala jnkunu fl-irziezet tagħna nassitu baqar huma u jwelldu, liema baqar ġieli lanqas iqumu biex jindokraw il-frieħ tagħhom. F’dawn il-każi, ir-raħħal ikollu jnixxef u jsaħħan hu l-ferħ b’mezzi alternattivi bħalma huwa billi jogħrokhom bit-tiben. Barra minn hekk, baqra li ma tindukrax il-ferħ tagħha ovjament mhix se tisqih. B’hekk ir-raħħal ikollu jaħleb il-ħalib li skont kif qalilna Fenech jinkludi livell għoli ta’ Kolostru u dan jgħinu biex fi ftit sigħat ikunu fuq saqajhom. Hemm spjegazzjonijiet prattiċi għala l-proċess tal-produzzjoni tal-ħalib jitlob li wara ċertu ġranet il-ferħ jittieħed minn mal-omm. Il-baqra tipproduċi ħafna iżjed ħalib minn kemm kapaċi jixrob il-ferħ li jkollha (peress li l-aktar komuni huwa li l-baqar ikollhom wild wieħed). F’dan il-każ jekk il-baqra titħalla bil-ferħ, tista’ tikkawża ħsara fuq iż-żewġ bhejjem. 

“Il-ferħ jista’ biex ngħidu hekk jagħmel għal żaqqu u jixrob aktar milli jiflaħ l-istonku tiegħu u konsegwentament ibati minn dak li aħna ngħidulu jislaħ iġifieri taqbdu diarrhea li mingħajr l-attenzjoni tagħna jispiċċa jmut, filwaqt li l-baqra tispiċċa ssofri bl-akkumolu tal-ħalib li ma jixrobx anke minħabba li hu normalment jixrob mill-istess beżżul u titħassar b’konsegwenzi serji f’każ li jitlgħalha d-deni”, spjegalna Fenech.

“Waqt li ħaddieħor ikun igawdi l-familja r-raħħala tagħna jkunu qegħdin jieħdu ħsieb il-baqar tagħhom”

Noel Fenech

Il-President appella għal iżjed ħsieb meta jiġu biex jinkitbu ċertu affarijiet li jistgħu jkunu ta’ dannu għal industrija li bħal ħafna oħrajn qiegħda tiffaċċja numru ta’ sfidi. “Il-biża’ tagħna hija waħda. Il-gvern qiegħed jifhem li r-raħħal għandu spejjeż kbar fit-tmexxija tar-razzett tiegħu u jekk il-konsumatur jagħżel li ma jġebbidx idu fuq l-ixkaffa li tinkludi l-prodotti tagħna allura xogħolna jispiċċa. Ladarba nitilfu raħħal, mhix se tfaqqa subgħajk, tiskuża ruħek u tgħidlu jiġi lura u għalhekk nemmen li nagħmlu tajjeb li nifhmu verament x’tinvolvi l-ħidma ta’ dawn in-nies li jipproduċulna prodott li hu frisk u Malti”.

Huwa għalaq jgħid li bħala raħħala lokali ma jistgħu qatt jifhmu kif f’pajjiżna stess issib min jagħmel ħsara lis-settur Malti biex jippromwovi prodotti oħrajn impurtati.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said f’kitba fuq Facebook qalet li tul is-snin ir-raħħala, permezz ta’ għajnuna mingħand il-Gvern, għamlu investimenti kbar sabiex irabbu l-bhejjem tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet. Hija rringrazzjathom tal-impenn tagħhom sabiex iwasslu ħalib frisk ta’ kuljum lill-poplu kollu.

F’pajjiżna hawn 88 raħħal Malti u Għawdxi reġistrati u li bejniethom irabbu madwar 6,500 baqra.

Sport