Żewġ tfajliet tal-istess sess li qegħdin f’relazzjoni intima u li għandhom xebh misterjuż, għadhom kemm żvelaw illi hemm il-probabbiltà li jistgħu jkunu aħwa. Minkejja dan, huma jidhru li qed jikkunsidraw li jibqgħu flimkien anki jekk jirriżulta li jiġu minn xulxin.
Carley Gonschior u Mercedes Stewart, it-tnejn mill-Kanada, ilhom f’relazzjoni ta’ mħabba għal dawn l-aħħar sentejn.
Huma xerrdu din l-aħbar li jistgħu jkunu aħwa mill-istess missier f’filmat fuq il-midja soċjali fejn qalu: “Dak il-mument meta tiskopri li wara sentejn f’relazzjoni mas-sieħba tiegħek, l-ommijiet tagħkom żmien ilu raqdu mal-istess raġel”.
Dan il-filmat huwa stmat li rawh madwar seba’ miljun persuna u kienu bosta dawk li nnutaw ix-xebh li hemm bejn iż-żewġ tfajliet, tant li persuna minnhom irrimarkat li “L-ewwel darba li rajtkom mal-ewwel daħalli l-ħsieb li intom aħwa”, filwaqt li persuna oħra stqarret li “minn dejjem kont ngħid li tiġu minn xulxin”.
L-aħbar li qasmet il-koppja qajmet dibattitu dwar jekk huwiex sew li jibqgħu f’relazzjoni intima jekk jirriżulta li huma aħwa. Fost dawk li kkummentaw kien hemm persuna li qalet: “Dawn ma jistgħux jipprokreaw, allura ma jkunu qed jagħmlu l-ebda ħsara lit-tfal li jaddottaw. Personalment ma nara li hemm xejn ħażin. Intom ma kontux tafu minn qabel”. Dan filwaqt li persuni oħrajn li kkummentaw dehru li xxukkjaw ruħhom: “Dan huwa inċest u illegali f’bosta Stati tal-Amerika inkluż fil-Kanada, irrelevanti jekk il-koppja tistax tipprokrea jew le”.