Sunday, December 22, 2024

Fil-Kolombja: Jinqabad l-aktar traffikant tad-droga mfittex fil-pajjiż

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Kolombjani qabdu lill-aktar traffikant tad-droga li kien mfittex fil-pajjiż u l-mexxej tal-akbar gang kriminali.

Dairo Antonio Úsuga, magħruf aħjar bħala Otoniel, inqabad wara operazzjoni konġunta li seħħet fl-aħħar sigħat.

Il-gvern kien offra premju ta’ $800,000 (£582,000) għal informazzjoni dwar fejn jinsab.

Permezz ta’ messaġġ fuq it-televiżjoni, il-President Iván Duque faħħar din l-operazzjoni. Qal li din hija l-akbar daqqa ta’ ħarta kontra t-traffikar tad-droga fil-pajjiż f’dan is-seklu.

Otoniel huwa akkużat li bagħat għexieren ta’ kunsinni ta’ kokaina lejn l-Istati Uniti, u Duque qal li huwa akkużat ukoll li qatel uffiċjali tal-pulizija u li abbuża sesswalment minn tfal, fost reati oħra.

Otoniel inqabad fil-moħba rurali tiegħu fil-provinċja ta’ Antioquia ġewwa l-Kolombja, qrib il-fruntiera mal-Panama. Filwaqt li d-dettalji tal-operazzjoni għadhom qed joħorġu, il-president qal li uffiċjal tal-pulizija safa maqtul.

Il-forzi armati tal-Kolombja aktar tard ippubblikaw ritratt li juri lis-suldati tagħha flimkien ma’ Otoniel.

F’dawn l-aħħar snin, kien hemm diversi operazzjonijiet kbar li involvew eluf ta’ uffiċjali biex jinqabad ir-raġel ta’ 50 sena, iżda s’issa l-ebda waħda ma kienet ta’ suċċess.

Ekonomija

Sport