Ħaddiema tal-uffiċini u oħrajn li jħadmu fil-fabbriki ġew skjerati f’għadd ta’ żoni agrikoli madwar il-Korea ta’ Fuq hekk kif dan il-pajjiż qiegħed jesperjenza tnaqqis kbir fil-provvista tal-ikel, li qiegħda tiġi kkawżata wkoll minħabba n-nixfa li qiegħda tolqot lil dan il-pajjiż.
Minkejja li s-sitwazzjoni tal-provvista tal-ikel tjiebet xi ftit fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, dan il-pajjiż xorta waħda għandu problema li eskalat sewwa minħabba il-pandemija tal-Covid-19 u diżastri naturali.
Il-Korea ta’ Fuq għandha nuqqasijiet f’dik li hija infrastruttura u sistemi ta’ irrigazzjoni u b’hekk l-elementi naturali qegħdin ipoġġi pressjoni kbira fuq dan il-pajjiż li diġà huwa f’sitwazzjoni prekarja minħabba s-sanzjonijiet internazzjonali.
Fl-aħħar sforz li qiegħed isir biex tiġi kkumbattuta n-nixfa f’dan il-pajjiż, għadd ta’ ħaddiema tal-uffiċini u fabbriki ġew mibgħtuta biex jassistu lill-bdiewa f’dak ir-reġjuni li huma l-iktar suxxettibbli għan-nixfa. Dawn se jkunu qed jgħinu biex jiġu mibnija żoni għall-ħażna tal-ilma.
Is-sitwazzjoni fil-Korea ta’ Fuq hija waħda prekarja ħafna, tant li l-Programm Dinji tal-Ikel jikkalkula li anke qabel faqqgħet il-pandemija kien hemm 11-il miljun persuna li kienu qed ibatu minn nuqqas kbir ta’ ikel u kienu fi bżonn ta’ assistenza umanitarja.

