Sunday, December 22, 2024

Fil-Korea t’Isfel: Studenti jiftħu kawża wara li l-eżami intemm minuta u nofs qabel il-ħin

Aqra wkoll

Grupp ta’ studenti mill-Korea t’Isfel fetħu kawża għad-danni kontra l-Gvern tal-pajjiż minħabba li l-eżami biex jidħlu f’kulleġġ spiċċa 90 sekonda qabel minn dak skedat.

Huma qed jitolbu £12,000 kull wieħed – l-ispiża ta’ sena studju biex ikunu jistgħu jerġgħu jagħmlu l-eżami. L-Avukat tal-istudenti qal li dan l-iżball affettwa l-kumplament tal-eżamijiet tal-istudenti. 

Dan l-eżami magħruf bħala Suneung huwa twil tmien sigħat u jinkorpora fih suġġetti diversi. Dan filwaqt li hu wieħed mill-itqal eżamijiet fid-dinja. Ir-riżultati tal-eżami ta’ din is-sena ħarġu fit-8 ta’ Diċembru li għadda.

Fil-kawża, li ġiet ippreżentata t-Tlieta li għadda minn 39 student, jingħad li l-qanpiena daqqet aktar kmieni fl-ewwel suġġett tal-eżami. Uħud mill-istudenti lmentaw mill-ewwel iżda s-supervisors kienu laħqu ħadulhom il-karti tal-eżami. 

L-għalliema kienu għarfu l-iżball qabel il-bidu tas-sessjoni ta’ wara, u taw il-minuta u nofs lura waqt il-pawża tal-ikel iżda setgħu jiktbu biss fuq il-kolonni li ħallew vojta fuq il-karti tagħhom u ma tħallewx ibiddlu xi tweġibiet oħra.

Ingħad li l-istudenti tant kienu mħawda li ma setgħux jiffokaw fuq il-kumplament tal-eżami. Xi wħud allegatament waqfu u jmorru lura d-dar. L-avukat tagħhom Kim Woo-suk qal lill-midja lokali li l-awtoritajiet edukattivi ma kinux skużaw ruħhom wara dan l-iżball. 

Din mhix l-ewwel darba li studenti fetħu kawża simili wara li l-qanpiena kienet daqqet żewġ minuti qabel kellu jintemm l-eżami. F’April, Qorti f’Seoul kkumpensat lill-istudenti £4,200 wara li lmentaw li kienu żvantaġġjati fl-eżami Suneung tal-2021.

Ekonomija

Sport