Saturday, December 21, 2024

FIL-LIBJA XINHU JIĠRI?

Aqra wkoll

Mhijiex ħaġa kurjuża kif aħna f’Malta ma nidhru li qed ninkwetaw xejn fuq kif il-qagħda fil-Libja minkejja kull ma jista’ jintqal, baqgħet instabbli għall-aħħar?  Rapport wara l-ieħor minn dak il-pajjiż iqajjem il-biża’ li ma jistax ikollu governanza stabbli anke f’futur mhux qarib.

Barra minn hekk, li jolqotni wkoll fir-rapporti li jaslulna mill-aġenziji tal-aħbarijiet barranin, hu kif bl-aktar mod naturali jgħidu issa li t-taqlib fil-Libja seħħ bil-ħidma mmexxija min-NATO. Ħadd mid-dehra ma għadu jikkontesta dal-fatt.

Mid-dehra wkoll, bħala riżultat ta’ dan it-taqlib (apparti mill-instabbiltà politika li baqgħet hemm sal-lum), jispikka wkoll il-fatt li l-Libja ftit għandha saħħa fil-laqgħat fejn il-produtturi taż-żejt ifissru l-intenzjonijiet tagħhom. Issa, sa ftit tas-snin ilu, iż-żejt Libjan u kif jista’ jiġi fornut kienu kwistjonijiet ewlenin fl-oqsma ta’ tmexxija tal-Punent. Jekk hu minnu li bil-mod kif ħadmu, permezz tan-NATO, dawn l-oqsma rnexxielhom jinnewtralizzaw lil-Libja, diffiċli taqbel li dan kien b’xi mod żvilupp pożittiv għall-poplu Libjan. 

  Sadattant il-pajjiż sar żona fejn interessi barranin mir-Russja sat-Turkija sa Franza jikkompetu bejniethom bl-aktar mod “miftuħ”. 

EWROXETTIKU 

Il-propaganda dwar kemm morna tajjeb bħala membri tal-Unjoni Ewropea ma taqtax, u minn kullimkien. Dak kollu li sejjer ħażin sadattant jitwaħħal fuq Joseph Muscat u l-gvern tiegħu.

Hemm mod ieħor kif tara l-affarijiet. Ħafna mill-problemi ta’ Malta llum jirriżultaw mit-toroq li l-pajjiż kellu jagħżel biex isegwi l-politika tal-Unjoni Ewropea, kif kien dovut li jagħmel bħala membru sħiħ tagħha, waqt li jkompli jiżviluppa. Loġikament fuq medda tat-tul, dawk l-għażliet kellhom iwassluna fejn wassluna.

Issa naf, fehma bħal din malajr tiġi mgħajra li maqbuda fl-antikalji tal-imgħoddi. Hekk jiġi mgħajjar kull min ma jemminx b’fidi ferma fil-vantaġġi qaddisa li ġabitilna s-sħubija fl-Unjoni. L-agħar kundanna: Int ewroxettiku!

ĦARSIEN TAL-AMBJENT

Għadni m’inix konvint li dwar l-ambjent qed isir kull ma hemm bżonn isir biex inħarsuh, u dan speċjalment fil-qasam tal-bini

Biss jien l-ewwel wieħed m’inix lest nemmen – sakemm ma narax li hemm provi konvinċenti – li teżisti xi konfoffa okkulta bejn rappreżentanti tal-gvern u l-interessi tal-bini biex jiġu jitmejlu għal kollox mill-ambjent. Aktar nissuspetta li għal raġunijiet ta’ konvenjenza politika u ekonomika, wisq nies responsabbli mit-tmexxija fil-livelli kollha iqisuha ħaġa komda li jissottovalutaw il-ħsara ambjentali li tkun se ssir bid-deċiżjonijiet tagħhom. Dan jista’ jidher bħala dnub venjali. Mhuwiex.

Kull deċiżjoni meħuda waħidha, titqies bħala li se jkollha l-impatt ta’ farka. Meħuda flimkien fl-effett kumulattiv tagħhom id-deċiżjonijiet qed iressquna lejn id-diżastru. La dan għadu ma wasalx, “kulħadd” jibqa’ jippreferi l-kumdità.

Ekonomija

Sport