Kienet maltempata mill-aqwa għalkemm m’inix żgur li ssuperat oħrajn li ġraw qabilha mas-snin. Madankollu, fattur wieħed iddistingwiha minn ħafna ta’ qabilha. Minkejja t-tkissir li ġabet magħha, it-telf “uman” kien minimu għal xejn. Ħadd ma miet, ftit weġġgħu – waqt li l-ħsarat ma kinux żgħar imma setgħu kienu akbar.
Li l-ħsara baqgħet limitata kien riżultat ta’ tħejjija minn qabel b’miżuri serji biex jilqgħu għat-tempesta. Kienu estensivi u ttieħdu fuq livelli differenti tat-tmexxija tal-pajjiż, minn dik ċentrali għal-lokali, mis-settur privat għal dak volontarju. Il-kumnikazzjoni ta’ x’għandu jsir u ma jsirx kienet ukoll effettiva.
Tajjeb li nirrikonoxxu fejn inkunu ħdmina tajjeb. Il-gvern ħaqqu prosit għal kif idderieġa l-eżerċizzju nazzjonali. Jagħmel tajjeb li jlesti analiżi ta’ kif saru l-affarijiet mad-dawra kollha tal-ħidma, biex it-tagħlimiet għat-tajjeb u għall-aħjar minn dak li ġara, jservu għall-futur. Ma kinitx l-aħħar maltempata li tista’ tolqotna.
MERCOSCUR
Waqt li l-Ewropa tistinka biex tikseb aktar piż fid-deċiżjonijiet dinjin, tibqa’ turi li m’għandhiex il-mekkaniżmi biex tasserixxi ruħha. Tiddependi wisq fuq ħaddieħor, jew m’għandhiex ir-rieda kollettiva biex tmexxi inizjattivi li jagħtuha l-influwenza ma’ ħaddieħor. L-istess istituzzjonijiet tagħha jżommuha lura milli timxi ’l quddiem.
Il-ftehim kummerċjali tal-Mercoscur bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi tal-Amerika Latina hu/kien maħsub biex isaħħah ir-rabtiet ekonomiċi u politiċi bejn iż-żewġ naħat. L-Ewropej kellhom isibu dħul aħjar fis-swieq Latino-Amerikani għall-industriji tagħhom, u l-Latino-Amerikani dħul aħjar fis-swieq Ewropej għall-produzzjoni agrikola tagħhom.
L-Ewropej ilhom is-snin jittitubaw dwar dal-proġett. Bi tqanżieh, waslu biex japprovawh fil-Kunsill tal-Ministri. Imma fil-Parlament Ewropew instab mezz (bi ftit voti) kif jitpoġġa saram ġdid fuq it-twettiq tal-Mercoscur – talba biex il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tara l-ftehim hux konformi mal-istatuti tal-Unjoni. Diffiċli tifhm kif dan l-iżvilupp jista’ jkabbar il-kredibilità internazzjonali tal-Ewropa f’dan iż-żmien ta’ taqlib “diplomatiku” qawwi.
FEJN GĦANDU PUNT
Żgur m’inix wieħed minn dawk li jammiraw lill-President Donald Trump. Biss lanqas ma wieħed irid iwaddab ’il barra kull argument li jqajjem Trump sempliċement għax ġej mingħandu. Hekk isir ta’ spiss fl-Ewropa fir-rigward ta’ xi jgħid il-lemin estrem – għalkemm xorta dit-tendenza politika baqgħet tikber.
Fil-każ ta’ Trump pereżempju, tliet argumenti ma jistgħux jiġu injorati;
–l-Istati Uniti kellhom imexxu politika ta’ immigrazzjoni ħafna aktar kontrollata milli ġara fl-aħħar deċennji;
–il-konsumaturi tal-Istati Uniti kellhom jiġu mħarsa minn prezzijiet artifiċjalment għolja ta’ mediċini;
–l-industrija Amerikana ma setgħtex tibqa’ titħalla tinxef u tmut.
Li taqbel li dawn l-għanijiet huma validi ma jfissirx qbil ma’ kif Trump qed iwettaqhom… jekk tassew qed jagħmel hekk.

