Sunday, December 22, 2024

Fil-mument tal-prova Grech ma abbandunax kanvażer … iżda qarib

… Inħarġu l-akkużi kontra tnejn mit-tlett irġiel allegatament involuti fl-argument

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-saga tal-każ li seħħ aktar minn ġimagħtejn fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Ħamrun jidher li se tkompli tevolvi b’aktar żviluppi li sorsi ta’ minn jorbot fuqhom ikkonfermaw ma’ L-ORIZZONT li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jipprova jixħet taħt it-tapit biex imewwet il-każ.

Minkejja li lill-allegat vittma tal-argument li seħħ fit-13 t’Awwissu Noel Mifsud Bonniċi qegħdin ixandruh fil-midja bħala kanvażer tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, persuna qrib ħafna tiegħu li tkellmet ma’ dan il-ġurnal ikkonfermat li Noel jiġi sekonda kuġin tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u kien miegħu u għamel il-punt tiegħu sforz ir-rispett kbir li kellu lejh. Ninsabu infurmati wkoll li filwaqt li Noel spiċċa rikoverat l-isptar, operat u jsofri minn uġigħ kbir anke issa li beda l-istadju ta’ rkupru mill-interventi li kellu, tgħodd fuq id waħda l-persuni li jimmilitaw fil-partit li għamlu kuntatt biex jaraw kif baqa’.

L-istess sors qalilna li l-istess familja tinsab iddiżappuntata u fl-istess waqt irrabbjata mill-fares li qegħdin ikomplu joħorġu bħala żvilupp tal-istess każ. F’ritratti mal-familja tiegħu mxerrdin fuq Facebook, il-barman Manuel Attard li waqqaf lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista milli jidħol fil-Każin, jidher fuq btala mal-familja tiegħu li x’aktarx kienet pjanata minn qabel seħħ l-allegat argument. Jekk dan huwa l-każ allura dan ikun ifisser li l-azzjoni sippost dixxiplinarja li l-midja tal-Partit Nazzjonalista qalet li ħadet wara diversi sigħat ta’ skiet assolut ma kienet xejn ħlief metodu ta’ kif l-istess partit iggranfa mas-sitwazzjoni b’tali mod li joħroġ xi forma ta’ reazzjoni. Dan meta minħabba btala fit-tul kif fil-verità kulħadd għandu dritt jieħu f’dan il-perjodu tas-sena, il-barman kien ilu jaf li kien se jkun qiegħed jagħlaq il-każin b’mod temporanju.

Intant filwaqt li l-familja Mifsud Bonnici għadha qiegħda tistenna li ssir ġustizzja magħhom dan il-ġurnal jista’ jiżvela wkoll li nħarġu l-akkużi fil-konfront ta’ tnejn mit-tlett irġiel li allegatament aggredew u darbu lill-qarib ta’ Grech. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin biex jiġi identifikat it-tielet raġel.

Rigward il-kundizzjoni tal-allegat vittma, minkejja li fl-ewwel reazzjoni tagħhom martu u bintu kienu qegħdin ibassru li se tkun kwistjoni ta’ ġimgħat jidher li Noel Mifsud Bonnici se jieħu diversi xhur biex jirkupra saħħtu. Wara jiem imwaħħal f’soddtu ninsabu infurmati li fil-jiem li ġejjin huwa se jkun qiegħed jibda sessjonijiet ta’ viżjoterapija biex ikun jista’ jibda jirkupra l-movimenti ta’ saqajh.

Ekonomija

Sport