Thursday, December 26, 2024

Fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn fuq escalator f’Għawdex

Aqra wkoll

Talk News jista’ jikkonferma li dwar il-każ li seħħ aktar kmieni llum fejn koppja waqgħu minn fuq escalator fi Duke f’Għawdex, ir-raġel jinsab fil-periklu tal-mewt.

Tim mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex qegħdin iħejju lill-pazjent bit-tama li jkun jista’ jitniżżel l-Isptar Mater Dei, iżda qabel ma jsir dan il-kundizzjoni tiegħu trid tiġi ftit stabbli. Il-ħelikopter jinsab bil-lest biex jieħu l-pazjent.

Għal xi raġuni, il-mara li kienet tiela’ quddiem ir-raġel tilfet il-bilanċ u waqgħet b’lura bil-konsegwenza li ġiet fuq żewġha. Huma spiċċaw in-naħa t’isfel tal-escalator. Il-mara sofriet ġrieħi ħfief.

Iżda r-raġel li għall-ewwel qam u bħal donnu ma ġralu xejn, wara ftit sekondi waqa’ mal-art u ntilef minn sensih. It-tim mediku f’Għawdex qegħdin jittamaw li ssirlu operazzjoni b’urġenza f’rasu fl-Isptar Mater Dei, iżda dan kollox jiddependi mill-istess kundizzjoni tal-pazjent.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

Aktar qabel: Żewġ anzjani l-isptar wara li waqgħu minn fuq escalator f’Għawdex

Kien għall-ħabta tal-10.45am meta l-pulizija ġew informati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom fl-istabbiliment tax-xiri The Duke li jinsab fi Triq ir-Repubblika f’Għawdex.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li ż-żewġ anzjani li huma koppja, mara ta’ 72 sena u raġel ta’ 77 sena, it-tnejn mir-Rabat Għawdex għal xi raġuni waqgħu b’lura waqt li kienu telgħin l-escalator li hemm fl-istess stabbiliment.

Fuq il-post mar tim mediku mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex li ħadu lill-anzjani l-Isptar. S’issa l-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa.

Il-pulizija qegħdin jinvestigaw dan il-każ.

Ekonomija

Sport