Saturday, October 26, 2024

Fil-pjan ta’ rkupru Ewropew, Malta allokata €992 miljun li l-parti kbira minnhom huma self

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Minkejja li l-pjan ta’ rkupru tal-Unjoni Ewropea qiegħed jitqies bħala pass kruċjali fid-direzzjoni t-tajba, xorta waħda jidher li qed iħalli bosta mistoqsijiet li jridu jiġu mwieġba. 

Dwar dan tkellimna mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli li spjegatilna kif il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hi magħmula minn €750 biljun li huma taħlita bejn self u għotjiet. Spjegat minn ċifri li ġew żvelati qed jidher li Malta għandha allokati €992 miljun, iżda minnhom huma biss €350miljun li huma għotjiet. Saħqet li l-kumplament huma self. 

Min-naħa tagħha, Dalli qalet li temmen li l-ebda pajjiż m’għandu jiddependi primarjament fuq self, peress li fl-aħħar mill-aħħar irid jiġi mħallas lura u għandu anke l-potenzjal li jpoġġi lill-pajjiżi f’sitwazzjoni ta’ dejn. Min-naħa l-oħra, hi spjegat li l-flus iridu jiġu ġġenerati mill-Istati Membri nfushom, u għalhekk qed jissemmew ħafna r-riżorsi tal-Unjoni Ewropea. Dwar dawn, qaltilna li ftit kliem ifissru l-flus li jagħtu l-Istati Membri lill-Unjoni Ewropea. 

Id-delegazzjoni tal-PL kontra li jkun hemm taxxi f’dawn ir-riżorsi

F’dan ir-rigward, Dalli qalet li fil-Parlament Ewropew qegħdin jitkellmu dwar x’forma jistgħu jieħdu dawn ir-riżorsi. Qalet li hemm pajjiżi li qed jipprovaw jinkludu taxxi bħat-taxxa Finanzjarja, dik Diġitali u tal-Korporazzjonijiet biex jagħmlu parti minn dawn ir-riżorsi. Għamlitha ċara li d-delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew qatt mhi se taqbel ma’ dan. 

Spjegat li hemm metodi oħra ta’ kif jistgħu jiġu ġġenerati dawn il-flus, fosthom per eżempju permezz ta’ kontribuzzjonijiet fuq l-użu tal-plastik u anke kontribuzzjonijiet mill-Emission Trading Scheme li diġà qiegħda titħaddem bħalissa. 

Min-naħa l-oħra, l-ewroparlamentari qalet li rridu nkunu ċerti li s-setturi li huma milquta bl-agħar mod jingħataw l-akbar sostenn. Semmiet li nhar it-Tlieta li għadda, waqt laqgħa mal-Kummissarju Paolo Gentiloni, iddiskutiet miegħu dwar il-ħtieġa li tingħata għajnuna lis-settur turistiku b’għotjiet, għax ċertament li dan hu l-aktar settur milqut u hu kruċjali għal pajjiżi bħal tagħna. 

Finalment, Dalli qalet li dak li għandna quddiemna s’issa hi l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li mhijiex il-pożizzjoni finali. Spjegat li din il-proposta għadha trid tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill bil-għan li jintleħaq ftehim dwarha f’Lulju. Għamlitha ċara li flimkien mal-kollegi tagħha hi se tkun qiegħda tipparteċipa b’mod attiv fid-diskussjonijiet ħalli flimkien jiddefendu bl-aħjar mod il-pożizzjoni ta’ pajjiżna.

Sport