Tiziana Attard ta’ 33 sena minn Ħal Tarxien inżammet taħt arrest preventiv wara li ġiet mixlija b’serq minn residenza privata f’Raħal Ġdid li fiha toqgħod anzjana ta’ 77 sena.
Il-mara, li fil-Qorti qalet li taħdem f’ħanut tal-ikel, kienet akkużata li fl-14 ta’ Lulju li għadda serqet diversi affarijiet elettroniċi u basket u kif ukoll ikkawżata ħsara fuq vettura fost oħrajn.
Hija wieġbet mhux ħatja tal-akkużi li nġiebu kontriha mill-Ispettur Paul Camilleri, u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tagħha bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad baqa’ diversi xhieda li għad iridu jixhdu fosthom l-anzjana ta’ 77 sena.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ċaħdet it-talba minħabba n-natura serja tar-reati u l-fatt li kien hemm xhieda li għad iridu jixhdu.
Għaldaqstant, l-imputata baqgħet tinżamm taħt arrest preventiv. Għaliha deher l-Avukat Victor Scerri.