Friday, December 27, 2024

“Fil-qrar kien qalli li konna qed nagħmlu qassis jinħaraq … kien kastell simbolu tas-saħħa tal-PL”

Irrifjuta milli jieqaf imur il-każin biex jingħata l-assoluzzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-prinċipju l-ewwel u qabel kollox. Minkejja li llum nitkellmu dwar 51,000 suldat tal-azzar, in-nies fil-każini kont tgħodd fuq subgħajk. L-għajnejn kienu fuqna u mar-rifsa fuq l-għatba tal-każin kont tkun ittimbrat bid-dnub il-mejjet. Jekk tistaqsini xi jfisser l-interdett għalija ngħidlek fi ftit kliem li dak iż-żmien sfortunatament konna ngħixu fl-injoranza u bħal donnhom dawk ta’ kontra u l-Knisja ma ridux li jinfetħu l-imħuħ. Iddikkjara dan ma’ Talk.mt Salvu Mifsud, anzjan imwieled fl-1947 u li kien fost l-ewwel persuni li waqqfu l-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti f’Ħal Lija.

Waqqfu l-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti f’Ħal Lija

L-anzjan li fl-1966 kien fl-aqwa ta’ żgħożitu ssieħeb fil-Partit Laburista u jirrakkonta b’ċertu emozzjoni rigward dak iż-żmien u kif flimkien ma’ grupp ta’ persuni oħra fosthom Salvu Muscat – li jiġi missier l-eks Prim Ministru Joseph Muscat – waqqfu l-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti f’Ħal Lija. Mifsud fakkar jgħidilna li dak iż-żmien din il-lokalità kienet fortizza tal-Partit Nazzjonalista u li dan il-pass ma kienx wieħed faċli jekk tqis dak li kien għaddej fil-pajjiż dak iż-żmien.

“Fi żmien id-dnub il-mejjet konna spiċċajna bl-għajnejn fuqna. Kien ikun hemm nies assoċjati mal-Partit Nazzjonalista u anke mill-Knisja li jkunu għassa fuqna. Kien ikollhom lista li kienet tasal għand il-Knisja. F’kelma waħda kienu jiġġakbinawk u tispiċċa ttimbrat. Minkejja dan kont kważi norqod il-każin dak iż-żmien jien. Konna norganizzaw attivitajiet xorta waħda”, kompla biex jgħidilna Mifsud. 

Li ma kienx b’saħħtu Mintoff kieku llum jaf m’għadux jeżisti l-PL

Mistoqsi dwar x’kienet l-għajta fuq il-Perit Mintoff, Mifsud rrakkuntalna dwar episodju partikolari ta’ attività tal-Partit Laburista – li għaliha kienet attendiet anke l-eks membru parlamentari Laburista Ingliża Barbara Castle – u li kien mar biex jisma’ b’widnejh id-diskors. Huwa qalilna li minkejja li kien hemm ħafna għajdut dwar l-eks Prim Laburista Mintoff, fosthom li kien mażun u li ried ineħħi r-reliġjon minn pajjiżna, fid-diskors tiegħu dakinhar xejn ma kien intqal minn dan kollu. “Stajt nifhem sewwa dakinhar, li dak kollu li kienu qegħdin jgħidu fuqu ma kienx minnu u li hu ma kien qiegħed jgħid xejn kontra l-Knisja”, żied jgħid Mifsud.

“Li ma kienx daqshekk b’saħħtu mintoff kieku llum il-pl jaf lanqas għadu jeżisti”

Salvu Mifsud

Fakkar li saħansitra l-Knisja kienet qiegħda xxewwex kontra l-perit u fuq dak li kien għamel l-Arċisqof Gonzi dak iż-żmien, li Mintoff ma kienx b’saħħtu biżżejjed kieku llum l-Partit Laburista jaf lanqas għadu jeżisti. Tkellem magħna rigward l-botti u risposti bi slogans bejn iż-żewġ partiti. Il-Partit Nazzjonalista kellu anke strixxuni tal-perit Mintoff qiegħed ikisser lil Malta. Imma dawk li kienu jimmilitaw ma kinux joqogħdu lura biex iwieġbu għal dawn it-tip ta’ strixxuni.

“Mintoff kien b’saħħtu ħafna u n-nies kienet tħobbu ħafna. Meta raw li kellu dik is-saħħa kollha mal-poplu bdew jagħmlu minn kollox biex ikissruh. Sakemm laħaq hu ma tantx hemm x’taħbi, konna ngħixu fl-injoranza. Kollox kien isir kif tgħidilna l-Knisja. Qablu l-ħaddiem ma kellu xejn u meta b’dak li kien qiegħed jagħmel u jsostni dwaru beda qisu jiftaħ l-imħuħ tan-nies – inkluż rigward il-ħelsien biex ma jibqgħux jikkmandaw l-Ingliżi, donna l-Knisja ma ħaditx gost”, kompla l-anzjan filwaqt li fakkar li eluf ta’ familji kont issibilhom r-ritratt tal-istess Mintoff fir-residenzi tagħhom.

Qallu li kien imur il-każin tal-PL bħalma kien imur il-każin tal-futbol

Mistoqsi dwar l-esperjenza tiegħu f’dan il-perjodu, Mifsud qalilna li kien mar biex iqerr u skont dak li kien jintqal fi żmien dwar id-dnub il-mejjet, ħass li kellu jqerr li kien imur il-każin. “Il-qassis kien qalli Salv xi tmur tagħmel hemm, qed jagħmlu qassis jinħaraq fuq l-inkwina. Jien pront weġibtu li għalija li mmur hekk u mmur il-każin tal-futbol ma kienx hemm differenza. Dwar tal-qassis jinħaraq jiena kont ċħadt ukoll. Għidtlu li konna qegħdin naħdmu fuq struttura forma ta’ kastell għall-attività tal-1 ta’ Mejju li s-sinifikat tagħha kien partit b’saħħtu. Niftakru qisu lbieraħ jgħidli biex ma mmurx iżjed il-każin u biex is-Sibt ta’ wara mmur u jagħtini l-assoluzzjoni. Ovjament jien ma għamiltx kif qalli”, tenna Mifsud.

Rigward x’jaħseb li kien jagħmel lil Mintoff daqshekk b’saħħtu, Mifsud qalilna li dan kien l-għajta tal-bidu ta’ xi ħaġa li l-ħaddiem qatt ma kellu. Kien l-għajta ta’ benefiċċji soċjali li kellhom itejbu l-ħajja tal-ħaddiem. Għalih dan jibqa’ mfakkar kif fl-aħħar mill-aħħar kien iwieġeb lil min kien jistaqsih għalfejn baqa’ jimmilita fil-Partit Laburista dak iż-żmien – “Katalista tal-benefiċċji soċjali”.

Beda jaħdem is-sengħa ta’ mastrudaxxa u spiċċa mwarrab għax “ittimbrat”

Min-naħa tiegħu huwa kompla biex jgħidilna li hu personalment jista’ jikkonferma kemm dawk li kienu jimmilitaw fil-Partit Laburista kienu ttimbrati dak iż-żmien. Ta’ 14-il sena kien ħalla l-iskola u beda jitrawwem fis-sengħa ta’ mastrudaxxa mal-familja. Ftit snin wara tilef lil missieru u bħal donnu iktar kellu jgħaddas rasu fix-xogħol. Jiftakar li kien mar ipoġġi bibien fl-Università ta’ Malta. Ġara iżda li saħħtu bdiet tmajna u ma setax jibqa’ jaħdem fuq ġewwa u barra b’dak l-istrapazz kollu. Kien hemm sejħa mal-gvern u ħabib tiegħu kien ħeġġu japplika. Li ġara kien li ħabib tiegħu li ma kienx juri ma min kien jimmilita ntgħażel, iżda hu spiċċa barra. Wara xi perjodu kienu ltaqgħu u d-diskors waqa’ fuq ix-xogħol. 

“Niftakru jgħidli, x’ħasra Salv! Hemm min qiegħed miegħi lanqas jaf jaqbad turnavit u int din l-esperjenza kollha u ma daħħlukx”, kompla biex jispjega l-anzjan filwaqt li spjega li dan is-suġġett tal-interdett huwa ferm wiesgħa u jinkludi ħafna familji. Sostna li għalkemm ħafna minnhom mietet magħhom l-istorja tagħhom minħabba li m’għadhomx magħna, fortunatament għad baqa’ żmien biex il-midja taqbad l-esperjenzi ta’ nies bħalu li jistgħu jfehmu aħjar minn xix għaddew dawn il-persuni biex ngħidu hekk stigmatizzati minħabba t-twemmin tagħhom.

Ekonomija

Sport