Saturday, December 28, 2024

Film bi dħul ta’ $81 miljun kuljum

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

L-udjenzi madwar id-dinja komplew jissaħħru bid-dinja ta’ Pandora hekk kif “Avatar: The Way of Water” iddominaw b’mod assolut it-tmiem tal-2022 u l-ewwel jum tal-2023. Globalment, issa laħaq iċ-ċifra ta’ $1.38 biljun u spiċċa t-tieni film bl-akbar dħul. Wieħed irid jiftakar li dan is-sequel iddebutta fis-16 ta’ Diċembru. Dan ifisser li fi 17-il jum, “Avatar: The Way of Water” kien qed ikollu dħul medju ta’ aktar minn $81 miljun kuljum!

Fit-tieni post tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa insibu l-film animat “Puss in Boots: The Last Wish”. It-tliet postijiet l-oħra huma okkupati minn “Black Panther: Wakanda Forever”, “Whitney Houston: I Wanna Dance with Somebody” u fil-ħames post “Babylon”.

A MAN CALLED OTTO

Tom Hanks hu attur maħbub ħafna tant li diversi kritiċi jirreferi għalih bl-isem ta’ ‘America’s Dad’. Anke mal-votanti tal-Oscars għandu post speċjali. F’karriera ta’ aktar minn 40 sena, huwa diġà rebaħ żewġ Oscars f’sentejn konsekuttivi fil-bidu tas-snin disgħin: għal “Philadelphia” u “Forrest Gump”. Barra minn hekk, ġie nnominat 4 darbiet oħra.

Din is-sena diġà rajnih f’“Elvis” fejn kellu l-parti tal-manager Tom Parker. Smajna l-vuċi tiegħu abbinata ma’ Papa Geppetto fil-film animat “Pinocchio”. Ma naħsbux li bil-wirja tiegħu f’“Elvis”, Tom Hanks għandu xi ċans ikollu xi nominazzjoni għall-Oscar.

Wisq probabbli li għalhekk il-kumpanija Columbia Pictures għaġġlet toħroġ fil-Milied fi ftit teatri l-film “A Man Called Otto” biex jikkwalifika għall-Oscars u issa f’Jannar beda jintwera f’aktar pajjiżi, nkluż hawn Malta.

Tom Hanks għandu parti b’possibiltà ferm akbar li jikseb l-attenzjoni tal-votanti tal-Oscars.

Ispirat mir-rumanz “A Man Called Ove” tal-awtur Żvediż Fredrik Backman, Tom Hanks għandu l-parti ta’ wieħed ta’ 60 sena, li wara li jarmel, isir nervuż ħafna u biżbetku. Otto anke ikun irid itemm ħajtu. Imma meta familja ferriħija tiġi toqgħod fl-inħawi tiegħu, tiżviluppa ħbiberija mhux mistennija ma’ l-omm li tkun tqila u jisimha Marisol. Din tagħmillu sfida biex jara s-sabiħ tal-ħajja.

Fil-parti ta’ Marisol, tidher l-attriċi Messikana Mariana Treviño, li tisraq numru ta’ xeni bl-enerġija u l-kariżma li toffri għal din l-interpritazzjoni.

Id-direttur ta’ “A Man Called Otto” hu Marc Forster. Dan hu direttur li jibbrilla f’dawn it-tip ta’ films drammatiċi. Kien ġie Malta biex ħadem “World War Z”.
“A Man Called Otto” hu klassifikat 15 minħabba li jittratta t-tema ta’ suwiċidju.

TILL

Il-mibegħda razzjali ma tati ebda ġieh lil min iwettaqha. U jekk hawn pajjiż li għadu ma rrikonċiljax miegħu nnifsu dwar il-mibegħda razzjali li twettqet fis-snin imgħoddija, dan hu l-Istati Uniti.

“Till” hu film interessanti. F’Awwissu 1955, tifel iswed, ta’ 14-il sena minn Chicago, Emmett Till (Jalyn Hall), mar iżur qrabatu f’Mississippi. Qalb l-omm qisha ħebbritilha li xi ħaġa kerha ser tiġri. Dan joħroġ ċar meta l-omm Mamie (Danielle Deadwyler) tmur iżżur lill-ommha Alma (Whoopi Goldberg).

Danielle Deadwyler u Jalyn Hall f’Till

F’nofs ta’ lejl, it-tifel Emmett inħataf u nqatel brutalment.

Id-direttur Chinonye Chukwu tatna film b’saħħtu, kemm intelletwalment kif ukoll emozzjonalment. Hi eliminat il-brutalità minn fuq l-iskrin. Ma ppruvatx tiddramatizza x’għamlu żewġt irġiel bojod fuq Emmett.

Minflok, il-film jiffoka fuq l-omm Mamie u iddawwar din it-traġedja f’storja ta’ erojiżmu. L-omm marret Mississippi biex tixhed kontra l-irġiel bojod akkużati bil-qtil ta’ binha, minkejja li kienet taf kemm kien diffiċli li f’qorti fin-naħa t’isfel tal-Amerika irġiel bojod jinstabu ħatja ta’ qtil ta’ persuna b’karnaġjon skur.

“Till” hu klassifikat 12A (tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn persuna adulta) minħabba t-tema tar-razziżmu u xeni li jistgħu jħallu effett negattiv fuq it-tfal.

Ekonomija

Sport