Wednesday, April 24, 2024

“Malta se jkollha wieħed mill-aqwa kumplessi sportivi fil-Mediterran”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, dwar il-proġett tal-pixxina b’investiment ta’ €14-il miljun

Aqra wkoll

Il-proġett ta’ SportMalta tal-ewwel pixxina indoor ta’ skala internazzjonali fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, b’investiment ta’ €14-il miljun, se jkun fost l-aqwa kumplessi sportivi fil-Mediterran.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, waqt li żar ix-xogħol li għaddej fuq dan il-proġett qal, “Huwa ta’ sodisfazzjon li din il-pixxina indoor state-of-the-art se tkun opportunità eċċellenti biex is-settur akwatiku tal-isport f’pajjiżna jkompli jieħu spinta ’l quddiem u jkompli jagħti kontribut għal aktar suċċessi li nkisbu fl-aħħar snin. Dan il-proġett huwa imwiegħed ukoll fil-manifest elettorali”.

Ġie spjegat li tlesta x-xogħol fuq is-saqaf tal-pixxina li huwa magħmul apposta biex jikkumplimenta s-swar u huwa maħsub ukoll biex jassorbi l-istorbju estern, b’hekk ma jkunx hemm skumdità ta’ ħoss għall-ġirien tal-madwar. Tlesta wkoll ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq id-dressing rooms, uffiċini, kmamar tal-kontroll, u kmamar għall-ħtiġijiet sanitarji. Parti mill-proġett kien jinkludi l-kostruzzjoni ta’ plant room u mina minn taħt il-pixxina, li minnha jgħaddu l-karozzi, parti mir-ring road tal-kumpless.

Ġie spjegat ukoll li qed jiġi ppreparat il-bażi għall-pixxina li se tkun waħda tal-ogħla teknoloġija u qed jitwaħħlu l-pilastri tal-ħadid li magħhom se jitwaħħal ħġieġ li se jdawwar il-pixxina kollha.

Dan il-proġett, li jikkumplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport, huwa turija ċara tal-impenn tal-gvern li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva biex ikompli jgħolli u jilħaq livelli ta’ suċċess fl-isport f’pajjiżna.

Il-pixxina hija ta’ daqs olimpiku ta’ 5,000 metru kwadru, b’saqaf tal-injam b’tul ta’ 44 metru kif ukoll ħitan tal- ħġieġ li jkopru mal-44 metru kwadru kull naħa, u fond ta’ 2.2 metri. It-tul jissodisfa r-rekwiżiti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm. Il-pixxina se tkun mgħammra bl-aħjar teknoloġija fosthom dik tal-bulkheads biex il- pixxina tkun maqsuma f’aktar minn faċilità waħda. L-art tal-pixxina se jkollha funzjoni li titla’ u tinżel biex il- coaches tal-għawm ikunu jistgħu jagħtu l-lezzjonijiet tagħhom fl-ilma stess.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal, “Dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti li tieħu ħsieb SportMalta, u permezz tiegħu se jkollna wieħed mill-aqwa kumplessi sportivi fil-Mediterran għax il-pixxina indoor se tikkumplimenta l-faċilità tal-Padiljun, u għandha spazju għal 400 spettatur kif ukoll sala tal- konferenzi u kafetterija”.

B’din il-pixxina l-atleti lokali mhux se jibqgħu żvantaġġati meta mqabbla ma’ atleti barranin li s’issa kienu jitħarrġu f’pixxina miftuħa iżda jikkompetu f’pixxina indoor. B’dan il-proġett il-programmi fi ħdan SportMalta se jikbru u jiżviluppaw f’aktar opportunitajiet għall-atleti u t-tfal tal-iskola.

Sport